​“Ħafna drabi nistaqsu fejn hu Alla…”

Il-Papa Franġisku saħaq li meta wieħed jaħseb fil-ħażen fid-dinja, f’dawk bil-ġuħ u bil-għatx, f’dawk bla dar, dawk b’mard kiefer, fil-vittmi tal-gwerra u fir-refuġjati, ħafna drabi titqanqal il-mistoqsija “Fejn hu Alla?”
Fi tmiem il-Mixja tas-Salib, waħda mill-avvenimenti ewlenin tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, il-Papa qal li għal dawn il-mistoqsijiet u oħrajn, ħafna drabi ma nsibux risposti.
Żied jgħid, li r-risposta ta’ Ġesù tkun, “Alla jinsab fihom.” Saħaq li Alla jbati fihom u jidentifika lilu nnifsu magħhom.
Il-Papa Franġisku fakkar lill-pellegrini żgħażagħ li magħhom hemm ħuthom mis-Sirja li ħarbu mill-gwerra. Ħeġġiġhom biex ikomplu jilqgħuhom b’affezzjoni fraternal u jagħtuhom l-id tal-ħbiberija.
Il-Kap tal-Knisja Kattolika, qal li bil-mixja tas-salib nirrealizzaw l-importanza li nimitaw lil Ġesù u niftħu qalbna għall-ħniena.
Appella liż-żgħażagħ biex jaqdu lil Ġesù Imsallab fl-emarġinat, fl-iżvantaġġat, fl-għeri, fil-ħabsi, fil-marid, fil-qiegħed, fl-ippersegwitat, fir-refuġjat u fl-immigrant.
Il-Papa talabhom għal darba oħra biex ikunu minn ta’ quddiem biex jagħtu servizz lill-ifqar fost ħuthom.
Franġisku qal li “l-Mixja tas-Salib hi t-triq tal-ħajja ta’ Alla, l-istil tiegħu, it-triq li waħedha tirbaħ fuq id-dnub, il-ħażen u l-mewt.”
Is-Salib, li hu wieħed mis-simboli tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ inġarr minn rappreżentanti ta’ 12-il assoċjazzjoni.
Waqfu bis-salib f’14-il stazzjon, b’kull wieħed jirrifletti l-ġrieħi li jsofru ż-żgħażagħ tal-lum, fosthom il-faqar, il-ġuħ u s-sofferenza.”