Ħaffu l-proċeduri u araw li ssir ġustizzja ma’ min bata minħabba l-kostruzzjoni – KA

Nicole Borg

Read in English.

Il-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent appellat lill-awtoritajiet sabiex jitħaffu kemm jista’ jkun il-proċeduri biex issir ġustizzja ma’ kull min bata xi tip ta’ konsegwenzi b’rabta mal-inċidenti fatali f’siti ta’ kostruzzjoni.

Dan qalitu fi stqarrija fid-dawl tal-inċident fatali li seħħ f’Bormla l-ġimgħa li għaddiet, meta raġel barrani tilef ħajtu, filwaqt li ieħor spiċċa fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ fuqhom ħajt temporanju. L-inċident seħħ waqt li ż-żewġt irġiel kienu qed jaħdmu f’sit ta’ kostruzzjoni fi Sqaq l-Erwieħ. Il-KA awgurat fejqan ta’ malajr lill-ħaddiem l-ieħor li weġġa’ fl-inċident ta’ Bormla.

Il-Kummissjoni ħeġġet lill-awtoritajiet sabiex b’mod immedjat, konkret u deċiżiv, iniedu l-kontrolli meħtieġa sabiex il-kapitlu mdemmi jingħalaq darba għal dejjem.

Fl-istqarrija, il-Kummissjoni ikkummentat kif fi stqarrijiet fil-passat, b’rabta mal-mewta traġika ta’ Miriam Pace fit-2 ta’ Marzu, kienet qalet li “wasal iż-żmien li l-awtoritajiet juru biċ-ċar fejn huma l-prijoritajiet tagħhom u, b’kuraġġ, jieħdu d-deċiżjonijiet diffiċli li messhom ilhom li ttieħdu. Minkejja li jistgħu jkunu skomdi għal xi wħud, dawn id-deċiżjonijiet jagħmlu ġieħ lill-maġġoranza assoluta tal-popolazzjoni. Il-memorja ta’ Miriam Pace u ta’ dawk kollha li b’xi mod spiċċaw vittma tal-industrija tal-bini ma jixirqilhomx inqas minn hekk”.

Sostniet li b’xorti ħażina din it-traġedja ma kellhiex tkun l-aħħar waħda qabel tinqaleb folja ġdida. Qalet li l-għeluq ta’ dan il-kapitlu ikrah fl-istorja tal-industrija tal-kostruzzjoni fil-pajjiż kien għadu fil-bogħod. Spjegat li f’temp ta’ erba’ xhur il-lista ta’ fatalitajiet fuq il-lant tax-xogħol kompliet tiżdied b’mewt fl-Imġarr f’April, oħra f’Ħaż-Żabbar f’Ġunju, u issa oħra f’Bormla f’dan ix-xahar.