​“Ħaduni ħdejn l-irdum u qaluli li se joqtluni”

Fil-Qorti raġel spjega kif grupp ta’ persuni ħaduh ħdejn irdum f’Għawdex biex iġiegħluh jiffirma xi karti u qalulu li kien se jmut.
Il-każ jittratta dwar raġel Ċek, li qed jiffaċċja akkużi ta’ frodi fir-Repubblika Ċeka li minħabba fihom inħareġ mandat tal-arrest Ewropew.
Madanakollu, ir-raġel li ilu jgħix Għawdex mill-2012 qal li l-Awtoritajiet fir-Repubblika Ċeka qed jaġixxu b’intenzjoni ħażina. Ix-xahar li għadda, il-Qorti Maltija ħarġet deċiżjoni favur l-estradizzjoni tiegħu, però qed jappella din id-deċiżjoni.
Fil-Qorti r-raġel stqarr li xi persuni ilhom jgħassu fuqu kemm f’art twelidu kif ukoll f’Għawdex. Allega li x’aktarx, dawn qed jaħdmu fuq struzzjonijiet tal-Pulizija Ċeka.
Huwa qed jiġi akkużat li kien imexxi kumpanija li kienet tevadi mit-taxxa. Però, ir-raġel saħaq li huwa kien biegħ l-ishma tiegħu mil-kumpanija. Żied jgħid li xi persuni riduh jiffirma xi dokumenti b’rabta mal-kumpanija u saħansitra bdew jhedduħ b’ommu u bis-sigurtà tiegħu jekk ma jagħmilx dan.
Wara li raġel ieħor b’rabtiet mal-kumpanija beda jiġi investigat għall-frodi, iċ-Ċek iddeċieda li jaħrab minn pajjiżu. Qal li lejlet id-data tat-tluq tiegħu, xi nies ippruvaw jaħtfuh.
Fil-Qorti nstema’ kif ftit xhur wara li wasal Għawdex, grupp ta’ persuni li l-identità tagħhom mhix magħrufa sfurzawh jidħol ġewwa karozza. Huma ħaduh ħdejn l-irdum Sanap fil-limiti tal-Munxar Għawdex.
Ir-raġel spjega li hemm kien imġiegħel jiffirma diversi dokumenti filwaqt li dawk li ħatfuh bdew jargumentaw dwar x’se jagħmlu bih – jekk joqtluħx jew le. Skont dak li qal ir-raġel, il-grupp imbagħad għażel li jħalluh jgħix però wissewh li jafu fejn joqgħod u biex iżomm sieket.
Il-prosekuzzjoni rrimarkat li hemm biss ftit provi biex jixhdu dak li allega r-raġel Ċek.
Id-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-każ mistennija titħabbar fit-12 ta’ Jannar.