“Ħadulha lit-tarbija b’care order; iddur bil-pushchair għax bla dar”

Read in English.

Mara li għandha problemi ta’ saħħa mentali riċentament ittiħditilha t-tarbija tagħha b’care order. Hija konxja li l-problemi li għandha jagħmluha diffiċli biex hi tieħu ħsieb it-tarbija, għalkemm tħobbha ħafna.

Dan irrakkuntatu Dr Anna Vella waqt l-edizzjoni speċjali tal-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart u Newsbook.com.mt, meta kienet qed titkellem fuq esperjenzi li jgħaddu minnhom nies vulnerabbli.

Apparti mill-weġgħa li din l-omm tħoss għax infirdet minn mat-tarbija tagħha, hija wkoll bla dar. Qalet li ta’ kuljum tipprova ssib post fejn torqod, tiekol u tistrieħ. L-affarijiet tagħha ġġorrhom ġol-pushchair tat-tarbija, li hu l-unika ħaġa li għandha f’din id-dinja. Qalet li hi u ddur bil-pushchair, il-ħin kollu tiftakar fit-tarbija tagħha.

Dwar tfajla li ommha daħħlitha fil-prostituzzjoni

Dr Vella semmiet ukoll każ ieħor ta’ tfajla li kienet qiegħda ssofri tara lil ommha tipprostitwixxi lilha nfisha. Dr Vella qalet li tixtieq li xi darba tista’ tgħid lil din l-omm biex ittemm din il-ħajja ta’ prostituzzjoni u turi mħabba lil bintha.

Iżda din it-tfajla kienet fetħet qalbha ma’ Dr Vella u qaltilha li ommha kienet sfurzatha biex tibda tipprostitwixxi lilha nfisha wkoll. “Ir-realtà hi,” qalet Dr Vella, “li anke din il-mara għexet ħajjitha għaddejja minn ħafna wġigħ li probabbli ħadd minna ma jista’ jifhmu.”

Xogħol Dr Anna Vella huwa ma’ nies vulnerabbli bħal dawk li għandhom il-vizzju tad-droga, prostituti u dawk bla saqaf fuq rashom. Qalet li permezz ta’ xogħolha, tesperjenza l-uġigħ u n-niket li jgħaddu minnu nies varji ta’ kuljum. Għal dawn in-nies, hija spjegat, mhuwiex biss fi żmien il-coronavirus li l-ħajja toffri sofferenza.

Hija qalet li xogħolha għallimha tħobb nies li qatt ma immaġinat li tista’ tħobb.

Ġesù muri bħala rebbieħ fl-Evanġelju ta’ San Ġwann

Fr Joe Borg, li mexxa d-diskussjoni waqt il-programm, staqsa lil Dr Vella fuq l-esperjenza tal-ġenituri li wliedhom ikunu dipendenti fuq id-droga u li ma jkunux jafu kif se jgħinuhom. Huwa staqsa jekk dawn in-nies isibux xi wens fiċ-ċelebrazzjoni tat-Tridu tal-Għid. Vella qalet li dawn huma esperjenzi ta’ sogħba, imma n-nies isibu wens fil-fatt li m’hemmx uġigħ li ma ħassux Kristu Msallab.

Dr Vella stqarret li, “Dawn is-sitwazzjonijiet u r-realtajiet juru li hemm il-possibbiltà tal-irxuxtar minn dak li jsewdilna qalbna, għax il-passjoni u l-uġigħ ma jibqgħux għal dejjem.”

Parteċipanta oħra fid-diskussjoni kienet Carmen Zammit li studjat l-Evanġelju ta’ San Ġwann fl-istudji tagħha ta’ Masters fit-Teoloġija. Hija spjegat is-sinifikat tan-narrattiva tal-passjoni ta’ Kristu fl-Evanġelju miktub minn San Ġwann, li ma jagħmilx wisq enfasi fuq is-sofferenza fiżika ta’ Ġesù Kristu, imma jurih bħala rebbieħ. Kompliet tispjega li f’din in-narrattiva, San Ġwann jagħti iżjed importanza lil kif Ġesù wettaq il-missjoni tiegħu.