Ħaduha magħna għax sabuna żgħar – Ministru Scicluna

Ġimgħa wara li l-Awtorità Bankarja Ewropeja (ABE) ħarġet rapport bi kliem iebes kontra l-mod kif qed titmexxa l-aġenzija kontra l-ħasil tal-flus, l-FIAU, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna wera l-fehma li dan kien rapport frott ta’ pressjoni minn Brussell. F’artiklu b’ismu fil-ġurnal The Times of Malta, Scicluna qal li l-ABE kitbet dan ir-rapport għax riedet tuża lil FIAU, u allura lil Malta, bħala ‘eżempju’. Huwa qal li Brussell, jiġifieri il-Kumissjoni Ewropeja, għamlet pressjoni fuq din l-awtorità indipendenti u ġegħlitha tieħu azzjoni.

Esperti fil-qasam finanzjarju ikkuntattjati minn Newsbook.com.mt kienu mistgħaġba bil-pożizzjoni li ħa il-Ministru Scicluna. Saħansitra qalu li ma setgħux jemmnu lil għajnejhom. Qalu li din it-tip ta’ reazzjoni minn esponent ewlieni tal-gvern u xejn anqas minn ministru tal-finanzi mhux talli mhux se tgħin, talli se tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni u r-reputazzjoni ta’ Malta fil-qasam bankarju u finanzjarju. Dawn l-istess esperti qalu li fl-aħħar mill-aħħar, li l-pajjiż japprezza u jieħu bis-serjetà rapport bħal tal-ABE u jieħu l-passi meħtieġa hija ukoll parti mir-rispett dovut lejn is-saltna tad-dritt. Qalu li l-gvern irid jammetti jekk hemm fejn itejjeb u ma jistgħax jippretendi li dejjem għandu raġun f’kollox.

Fl-artiklu, Scicluna kiteb li l-pressjoni li saret minn Brussell wasslet biex l-ABE għall-ewwel darba, tieħu passi fil-qasam tal-ħasil tal-flus, u dawn il-passi ittieħdu kontra ċ-ċkejkna Malta. Huwa waħħal fil-MPE David Casa li, skont hu, għamel pressjoni fuq tlett MPE oħra u flimkien, dawn għamlu pressjoni fuq l-ABE. Huwa qal li l-ABE ħadet din il-pożizzjoni biex turi li kapaċi tagħmel xi ħaġa f’dan il-qasam.

Scicluna imbagħad dar għax-shadow minister tal-finanzi Mario de Marco. Uwa akkużah li kien ħareġ bil-ħeffa minn laqgħa li kienet qed issir fl-2015 biex tkun emendata il-liġi kontra il-ħasil tal-flus. Scicluna qal li dan kien għamel hekk biex jiddefendi l-interssi ta’ klijenti professjonali tiegħu, Fenplay, kumpanija Taljana tal-igaming. Dawn kienu irtirawlhom il-liċenzja minħabba ħasil ta’ flus, qal Scicluna.