“Sibtu wiċċu ‘l fuq donnu qed jgħidli biex ngħinu”

Simon Psaila Funeral

Ir-raġel li sab il-katavru taż-żagħżugħ Rabti ta’ 24 sena li ġie identifikat bħala Simon Psaila spjega kif meta ra liż-żagħżugħ f’qiegħ il-baħar wiċċu ‘l fuq ħass li donnu kien qisu qed jitolbu biex itellgħu. Ma’ Newsbook.com.mt irrakkonta kif kien lest li jaqbeż fil-baħar u jagħtih l-ewwel għajnuna madanakollu spjega li kien evidenti li kien mejjet.

Ir-raġel irrakkonta kif il-bieraħ niżel ix-Xemxija sabiex isewwi xi dgħajjes. Hu ħareġ fuq id-dgħajsa tiegħu sabiex jagħmel it-tiswijiet u meta kien se jitrakka bid-dgħajsa ra bniedem fil-baħar. Spjega kif persuni oħra li kienu fl-akwati qalulu biex ma joqgħodx hemm u meta qalilhom li kien se jinżel għalih qalulu li dan ikun għalxejn għax kien evidenti li mejjet. Spjega li hu nduna li kien mejjet mill-mod ta’ kif kien ippożizzjonat u anke mill-mod kif kienu xofftejh.

Irrakkonta kif wara li bosta ċemplu għall-għajnuna ġew il-Pulizija, il-Forzi Armati, il-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili u bugħaddasa oħra li f’ħidma konġunta tellgħu liż-żagħżugħ Rabti mill-baħar.

Meta mistoqsi jekk Simon Psaila kienx qed jgħodos fiż-żona, spjega li hu kien bugħaddas tant li meta nstab kien liebes l-ilbies tal-bugħaddasa, flippers u maskra. Spjega li ż-żagħżugħ ma kienx irrappurtat nieqes hekk kif hu kien ta’ spiss imur jgħum fiż-żona qabel ma jmur għax-xogħol.

Irrimarka li minkejja li ma jibżax isib ruħu f’dan is-sitwazzjonijiet sostna li meta sab liż-żagħżugħ f’dak l-istat spiċċa taħt xokk qawwi tant li għal xi ħin lanqas felaħ jitkellem jew jiċċaqlaq.

Sadanittat fuq Facebook, l-istess raġel sostna li s-sejba tiegħu ixxukkjatu u ħa qatgħa kbira. Il-katavru nstab ilbieraħ għall-ħabta tal-5.15pm. Hu ttella’ immedjatament mill-Pulizija u mill-membri tal-Protezzjoni Ċivili.

Fuq Facebook, ir-raġel li sab il-katavru ta l-kondoljanzi tiegħu lill-familja ta’ Psaila u sostna li minkejja li ma jafux ħass li kellu jieħu azzjoni mill-ewwel malli sabu sabiex jipprova jsalvalu ħajtu. Madanakollu rrimarka li kien tard wisq.

Illum hadt qata kbira. Nixtieq nati kondoljanzi li Simon psaila alavolja ma nafekx Habib I'ma sibtek fqieh I'll bahar u…

Posted by Kerstin Sant on Wednesday, September 12, 2018

Din hija t-tieni traġedja li wasslet għal persuna biex titlef ħajjitha waqt li kienet qed tesplora l-baħar. Bugħaddas ieħor, Neil Zammit li kellu biss 20 sena, instab mejjet fl-4 ta’ Settembru wara li ġie rrappurtat nieqes fl-akwati tal-White Rocks.