“Ħadt pariri legali… jekk tort ta’ Steward mhux se nħallsu €100 miljun” – PM

Miguela Xuereb

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Gvern ħa parir legali wieħed wara l-ieħor biex jekk imur għat-tħassir tal-kuntratt ma jħallasx l-€100 miljun penali.

“Id-diskussjonijiet ma’ Steward Healthcare se jkomplu l-ġimgħa d-dieħla iżda l-Gvern se jibda fuq pass lura minħabba li l-Oppożizzjoni tidher li spiċċat bħala avukat ta’ Steward għax qed tinsisti li din il-penali ta’ €100 miljun għandha titħallas”, stqarr il-Prim Ministru.

Żied jgħid li “l-Kap tal-Oppożizzjoni jrid jerfa’ din ir-responsabbiltà li meta Steward se jagħmlu l-argument li jekk il-Gvern iħassar il-kuntratt irid iħallas l-penali, għaliex hekk qed tgħid l-Oppożizzjoni.”

Huwa qal li kieku ma kienx hemm it-tixrid tal-Covid-19 kieku deċiżjoni dwar x’se jiġri bil-kuntratt ta’ Steward ittieħdet sal-lum.

“Il-Gvern rema salvagwardja li kellu biex jieħu l-isptarijiet lura mingħajr penali u dejn” – Delia

Fit-tweġiba tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia stieden lill-Prim Ministru biex jagħmel tliet passi fit-tenattiv li jreġġa’ lura l-kuntratt li l-Gvern iffirma ma’ Steward mingħajr ma jħallas il-penali. Huwa qal li l-ewwel pass hu li l-Prim Ministru jikkundanna lil Konrad Mizzi u t-tieni wieħed ikun li jsib Kummissarju tal-Pulizija wieħed li lest jieħu passi kontra l-eks Ministru. Delia qal li l-pass ta’ wara għandu jkun li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jingħaqdu flimkien bħala front wieħed kontra Vitals u Steward.

Dr Delia qal li din il-mozzjoni mhux vot favur l-Oppożizzjoni jew kontra partit jew ieħor, iżda vot favur il-Maltin u l-Għawdxin.

Delia spjega li f’Awwissu 2019, il-Gvern rema kull salvagwardja (step-in) li kellu fil-kuntratt ma’ Steward li permezz tagħha, kien jerġa’ jieħu l-isptarijiet f’idejh mingħajr ma jieħu djun li tkun għamlet il-kumpanija u minflok daħħal klawżola ta’ penali favur il-kumpanija ta’ €100 miljun. Huwa qal li matul dan id-dibattitu, il-Gvern se jkun għadda lil Steward €32,000.

Mozzjoni m’għaddietx… il-Gvern jitlob pairing għal Konrad Mizzi

Intant, il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni m’għaddietx b’29 vot favur u 35 kontra, bil-Whip Nazzjonalista Robert Cutajar jiżvela li ma ntlaħaq l-ebda qbil għal pairing, wara li l-Gvern ried li l-eks Ministru Konrad Mizzi jiġi pperjat.

Fil-bidu tas-seduta, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-saħħa Stephen Spiteri qal li l-mozzjoni tal-PN biex l-isptarijiet jerġgħu jsiru tal-Maltin qed issir biex tipproteġi liċ-ċittadini biex dawn ikollhom l-aqwa servizzi tas-saħħa. Huwa qal li l-kuntratt sar ma’ kumpanija intenzjonata li tfalli mill-ewwel.

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Gvern sab lil Steward Healthcare fil-mument tal-bżonn. Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni, Fearne qal li f’mument fejn il-pajjiż għaddej minn pandemija, il-kumpanija għamlet investiment f’emerġenza ġdida għal Covid-19 u biddlet l-Air Ambulance. Huwa qal li Steward hija kumpanija privata rinomata fil-qasam tas-saħħa li fl-Istati Uniti tagħti servizz lil 16-il miljun pazjent.

“Ix-xitan m’għandux ħalib u propju lbieraħ, l-awditur ġenerali ppubblika rapport li jgħid li l-Isptar Mater Dei li oriġinarjament kellu jiswa €74 miljun sewa €583 miljun,” qal Fearne.

Mitlub ksur ta’ privileġġ

F’dan il-mument, id-deputat Nazzjonalista Chris Said talab l-intervent tal-Ispeaker peress li skontu, il-Ministru qed jiżvija lill-kamra peress li l-istima ta’ €74 miljun kienet fuq sptar għar-riċerka. Dan ma kienx l-ewwel battibekk hekk kif fil-bidu tas-seduta l-eks Ministru Laburista tas-Saħħa Godfrey Farrugia talab l-intervent tal-Ispeaker fuq ksur ta’ privileġġ peress li qal li l-Ministru Fearne qed jagħti l-impressjoni li fiż-żmien meta kien ministru ma sar xejn.

Dan hu mument fejn is-saħħa tigi qabel il-politika – Fearne

Fearne qal li hu lest li joqgħod għal dak li tgħid il-Qorti iżda l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia m’għandux is-sabar li jistenna d-deċiżjoni tal-kawża li fetaħ hu stess minkejja li jitkellem fuq is-saltna tad-dritt.

“Dan hu l-mument li s-saħħa tal-poplu tiġi qabel is-saħħa tal-politika, issa hu l-mument tal-kulur tal-Covid u mhux ta’ xi partit politiku. Dan hu l-mument tal-frontliners u mhux tal-politiċi li qed jilagħbu gallarija, il-mument tal-futur ta’ pajjiżna u mhux il-futur ta’ xi partit politiku,” hu temm jgħid.

Claudette Buttigieg qalet li l-Ministru kien ferm selettiv fid-diskors tiegħu tant hu hekk li qatt ma għamel referenza għal VGH. Huwa qal li dan il-mument ta’ Konrad Mizzi li jiddefendi l-kuntratt tiegħu iżda hi qalet li lanqas tfaċċa fil-parlament u skontha jista’ jkun li ħarab minn Malta.

Karol Aquilina qal li “dan hu l-mument ta’ prova li se jifred il-politiċi tajbin minn dawk il-ħżiena, hu l-mument li t-tobba fuq in-naħa tal-Gvern jaqbżu għall-pazjent, il-mument tal-Prim Ministru Robert Abela biex juri li hu raġel, il-mument tal-Ministru Evarist Bartolo li wara d-diversi kitbiet fuq Facebook kontra l-iskandli tal-Gvern, jieħu pożizzjoni kontra l-korruzzjoni kif ukoll il-mument tal-Ministru Fearne li fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi joqgħod ferm attent kif jikteb dwar il-ftehim mal-VGH biex jieħu pożizzjoni favur is-sewwa”.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li t-timing tal-mozzjoni tal-Oppożizzjoni hu ħażin. Huwa qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni fetaħ kawża fi Frar ta’ sentejn ilu u hemm inkjesta maġisterjali pendenti. Zammit Lewis qal li l-Oppożizzjoni qed tipprova tagħmel mażra ma’ għonq il-gvern b’din il-mozzjoni meta l-Prim Ministru diġà stqarr li se jidħol fil-kuntratt li sar bejn il-Gvern u Steward. Hu qal li din il-mozzjoni torbot idejn il-qorti li trid tiddeċiedi.

Emendi tal-Gvern huma daqqa ta’ ħatra lill-ħaddiema

Jason Azzopardi qal li Steward hija kumpanija falluta. Huwa qal li l-emenda tal-gvern għal din il-mozzjoni hi daqqa ta’ ħarta lill-ħaddiema fis-settur tas-saħħa propju f’dan il-mument importanti. Huwa qal li dan il-kuntratt jorbot ma’ dak li hu sejjaħ bħala l-iskandlu tal-enerġija ta’ Montenegro li l-kelliem sejjaħ bħala l-aktar pajjiż korrott fl-Ewropa. Huwa qal li f’sena u nofs, Konrad Mizzi siefer 8 darbiet lejn Montenegro u ħa miegħu l-avukat personali tiegħu.

Marlene Farrugia qalet li l-Gvern ma ħaqqux isejjaħ lilu nnifsu Laburista meta ma jafdax lill-Maltin fil-qasam tas-saħħa u ta lill-isptarijiet lill-barranin.

Il-pagamenti lejn Steward proġettati u jinsabu fl-estimi – Scicluna

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li dawn huma żminijiet straordinarji u l-Oppożizzjoni f’din il-mozzjoni qed tilgħab bis-saħħa tan-nies. Huwa qal li minkejja li l-Oppożizzjoni qed tagħti l-impressjoni li dan il-kuntratt hu mtappan bil-koruzzjoni, kull somma li qed tgħaddi mingħand il-Gvern għal Steward kienet proġettata u tinsab fl-estimi tal-baġit.

Mario de Marco qal li l-Ministru Scicluna kellu l-aħħar opportunità li jiddistanza ruħu minn dan il-kuntratt iżda llum ddenfendieh.

Bl-istess mod, Claudio Grech qal li għal snin twal, ħadd ma ddefenda dan il-kuntratt, bil-Ministru Scicluna saħansitra jgħid li hu ma kellux x’jaqsam miegħu iżda wara erba’ snin ħareġ jiddefendih.

Grech qal li l-Gvern m’għamel l-ebda stħarriġ (due diligence) fuq il-kumpanija u l-individwi li hemm wara din il-kumpanija. Grech qal li din il-kumpanija kellha kapital ta’ €1,500.

L-anzjani laqqtuha għax spiċċaw f’lukanda – Said

Chris Said qal li l-Oppożizzjoni ilha konvinta li l-bejgħ tat-tliet sptarijiet lil Vitals, kumpanija fantażma, qatt ma kellu jsir u li din il-privatizazzjoni hija ħadma. Huwa qal li minn dan kollu l-ewwel li laqtuha huma l-anzjani li kellhom jiġu trasferiti minn Sant’Anna għal lukanda fir-Rabat.