“Ħadna azzjoni kontra t-tniġġis” – tal-fish farms

L-operaturi tal-fish farms imsieħba mal-Federazzjoni Maltija għall-Prodotti tal-Akwakultura (FMAP) qiegħdu booms ma’ kull gaġġa sabiex jibdew jikkontrollaw iż-żjut li joħorġu mill-gaġġeġ u jniġġsu l-bajjiet lokali.

Fi stqarrija, l-FMAP spjegat li l-operaturi tal-industrija tat-tonn li ffirmaw il-ftehim favur standards ambjentali aktar ogħla, semgħu l-għajta tan-nies u d-direzzjoni tal-Gvern. Spjegaw li b’effett immedjat waqfu jagħlfu l-ħut sakemm jitqiegħdu l-booms.

Spjegat li l-proċess issa tlesta u għalhekk l-operaturi jinsabu mgħammra b’materjal apposta biex jilqa’ kemm jista’ jkun żejt u materjal ieħor li jista’ jkun konsegwenza tal-industrija.

Fiż-żjara tagħha f’Tokyo l-FMAP u erbgħa operaturi tat-tonn iffirmaw ftehim li permezz tiegħu huma kkommettew ruħhom favur baħar aktar nadif fosthom li l-gaġġeġ kollha jkollhom oil booms, li jitwaqqaf call centre u li jiġi sospiż il-proċess tal-alf. Ftiehmu wkoll li kull operatur ikollu dgħajjes tiegħu mal-gaġġeġ biex jiġbor iż-żejt mill-oil booms u materjal ieħor ta’ skart.

Irrimarkat li qed isiru spezzjonijiet regolari mill-ajru u mill-baħar biex il-federazzjoni tkun taf kif l-operaturi membri tagħha qed joperaw u jekk hux qed jagħmlu dan b’rispett sħiħ lejn l-ambjent.

L-operaturi li ffirmaw dan il-ftehim huma AJD Tuna Limited, Fish and Fish Limited, Malta Mariculture Limited u MFF Limited.

Sadanittant il-Federazzjoni appuntat lill-Professur Joe Borg, Kap tad-Dipartiment fil-Fakulta tax-Xjenza fl-Università ta’ Malta biex ikun l-espert indipendenti appuntat li janalizza u jsegwi mill-qrib l-aspetti ambjentali kollha relatati ma’ din l-industrija.