Ħaddiema żejda u bla ħiliet neċessarji fid-direttorat għat-toroq f’Għawdex – l-Awditur

L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) qal li l-Ministeru għal Għawdex qed jimpjega ħaddiema żejda u mingħajr kompetenzi neċessarji fid-Direttorat għal Proġetti u Żviluppi (DPD), li jieħu ħsieb iżomm u jirranġa toroq arterjali u distributorji.
Fir-rapport Performance Audit: Maintaining and Repairing the Arterial and Distributor Road Network in Gozo, l-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, jinnota li l-proċessi addottati mid-DPD ma jsegwux prinċipji ta’ governanza tajba, u għalhekk lanqas jassiguraw valur tajjeb għall-flus investiti.
Id-direttorat jingħata €1.5 miljun fis-sena biex jaħdem, u filwaqt li l-NAO irrimarka li dawn jistgħu ma jkunux biżżejjed, id-direttorat ma jagħmilx ħiltu biex jagħmel l-aħjar li jista’ bil-ħaddiema tiegħu.
Żied jgħid li f’dan id-dawl, xorta d-direttorat kompla jdaħħal in-nies miegħu.
Ir-rapport juri wkoll li f’bosta waqtiet ta’ xiri mill-Gvern relatat mal-irranġar tat-toroq f’Għawdex, ma kienx hemm il-karti neċessarji, u għalhekk jidħlu riskji ovvji, iżda evitabbli.
L-Awditur Ġenerali jikkummenta wkoll dwar kif ġab ruħu miegħu d-direttorat meta ntalab jipprovdilu informazzjoni sabiex ikun jista’ jwettaq dan ir-rapport.
Indika li l-informazzjoni bdiet tasal biċċa biċċa, b’mod inkonsistenti jew tard ħafna.
Filwaqt li fehem li kien hemm investigazzjonijiet oħra għaddejja mill-Pulizija, li setgħu xekklu lid-direttorat, l-NAO irrimarka li bosta sfidi li nqalgħu biex jikseb l-informazzjoni li ħtieġ ma kinux jinqalgħu kieku d-DPD kien aktar ċar fir-risporti tiegħu.
Ir-rapport ġie ppreżentat ilbieraħ lill-Ispiker tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Tista' taqrah sħiħ bl-Ingliż minn hawn taħt.