Ħaddiema tat-turiżmu mistiedna jgħinu fil-contact tracing

face masks
Miguela Xuereb

Ħaddiema fis-settur tat-turiżmu huma mistiedna jassistu l-awtoritajiet tas-saħħa biex jgħinu fil-contact tracing tal-każijiet ta’ Covid-19 fi skema mnedija mill- Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) u Malta Enterprise.

L-MTA bagħtet ittra lil kull operatur fit-turiżmu lliċenzjat minnha, biex jibgħat lista ta’ ħaddiema eliġibbli għall-wage supplement li jkunu nteressati jgħinu lill-awtoritajiet tas-saħħa fix-xhur li ġejjin.

Talbet għal ħaddiema li jitkellmu Malti jew Ingliż – imma preferibilment iż-żewġ lingwi – għandhom ħiliet bażiċi fil-computer u li huma ta’ kondotta tajba.

Min jintgħażel jibqa’ jirċievi l-wage supplement ta’ €800 fix-xahar u rata ta’ €5.28 fis-siegħa, li flimkien jiġu ekwivalenti tas-salarju ta’ skala 10 taċ-ċivil.

It-tim tal-contact tracing issaħħaħ b’mod konsiderevoli dan ix-xahar, hekk kif iż-żieda fil-każijiet ta’ Covid-19 naqqas l-effettività ta’ contact tracing.