5 każijiet tal-Covid-19 fis-sit tal-Wasteserv f’Ħal Luqa; jingħalqu kollha

Aġġornat 04:40 PM

Iċ-Ċentri tal-Iskart Goff kollha f’Malta ngħalqu b’mod immedjat wara li nstabu ħames każijiet ta’ coronavirus fiċ-ċentru ta’ Ħal Luqa.

Newsbook.com.mt żvela li kien hemm xi każijiet fiċ-Ċentru ta’ Ħal Luqa u b’hekk dan ingħalaq, flimkien maċ-Ċentru ta’ Ta’ Qali. Kelliema għall-Wasteserv ikkonfermat dan ma’ Newsbook.com.mt ilbieraħ wara li din il-kamra tal-aħbarijiet ġiet infurmata li allegatament instab każ tal-coronavirus fis-sit tal-Wasteserv f’Ħal Luqa.

Illum, il-Wasteserv ħabbret li hemm “numru estensiv ta’ ħaddiema” li qegħdin fi kwarantina preventiva, u għalhekk iċ-ċentri kollha għall-iskart goff kellhom jingħalqu, ħlief iċ-Ċentru Tal-Kus f’Għawdex, li ma ntlaqatx minn dawn il-miżuri.

Iċ-ċentru ta’ Ħal Luqa, l-ikbar wieħed, ilu magħluq mis-Sibt li għadda. Tlieta mill-ħames każijiet ta’ ġoċ-ċentru kienu ta’ persuni li diġà kienu kwarantina.

Il-Wasteserv qalet li se tagħmel dak kollu possibbli biex terġa’ tibda topera dan is-servizz.