Ħaddiema tal-Enemalta trasferiti mingħajr konsultazzjoni

Il-Union Ħaddiema Magħqudin qalet li diversi ħaddiema tal-Enemalta ġew trasferiti mingħajr ebda konsultazzjoni u kontra l-ftehim kollettiv.
Il-UĦM qalet li waqfet dawn it-transfers filwaqt li appellat lill-Prim Ministru biex iżomm mal-wegħda ta’ qabel l-elezzjoni jiġifieri li l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-Enemalta mhux se jiġu mittiefsa.
Ilbieraħ saret laqgħa urġenti bejn l-Enemalta u l-union fejn sar magħruf li l-ħaddiema kienu se jiġu trasferiti minn nhar it-Tnejn li ġej iżda l-UĦM qalet li se tordna direttivi jekk il-membri tagħha ma jingħatawx ċans jevalwaw kif se jkunu affettwati.
Jirriżulta li intlaħaq ftehim li t-transfers ma jsirux sakemm il-ħaddiema jiddiskutu l-kundizzjonijiet tax-xogħol mal-union tagħhom.
Il-UĦM talbet lill-Enemalta biex ma tqarraqx bil-ħaddiema hekk kif fl-ittri li ntbagħtu kien hemm miktub li ntlaqgħet it-talba tal-ħaddiema, iżda ntqal li l-ebda ħaddiem m’għamel talba biex ikun trasferit.