Ħaddiema tal-Air Malta b’parir legali dwar azzjoni kontra l-unjin tagħhom

Aġġornat 04:48 PM

Read in English.

Madwar 50 ħaddiema tal-kabina li huma wkoll membri tal-Unjin tal-Cabin Crew (UCC) qed ifittxu parir legali dwar kif se jimxu kontra l-unjin tagħhom. Dan wara li l-UCC temmet in-negozjati tagħha mal-Air Malta wara li l-linja tal-ajru qalet li se terġa’ timpjega lil 145 impjegat bħala ekwipaġġ tal-kabina fuq kuntratt definit.

Sors ta’ Newsbook.com.mt qal li mal-50 membri tal-UCC ma jistgħux jifhmu għaliex l-unjin mhux qed taqbel mad-deċiżjoni tal-Air Malta. Skont l-istess sors hemm membri li qed jgħidu li għandhom unjin li qed tinsisti li xi membri tagħha jitilfu x-xogħol meta suppost qed taqbeż għall-ħaddiema.

Fi stqarrija l-UCC qalet li l-aħħar deċiżjoni tal-Air Malta hija gimmick politiku intiż biex ibiddel il-ftehim kollettiv li hemm fis-seħħ.

F’April l-unjin kienet fetħet protest ġudizzjarju kontra l-PM Robert Abela u l-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri. Dan biex jintervjenu fl-iżblokk bejn l-Air Malta u l-ħaddiema tal-kabina.

Irridu nsalvaw l-impjiegi – Air Malta

Fi stqarrija maħruġa llum l-Air Malta qalet li trid issalva kemm jista’ jkun impjiegi. Qalet li offriet diversi proposti lill-UCC.

L-Air Malta qalet li għandha business plan ġdid fid-dawl tal-COVID-19. Qalet li qed tipporponi li l-flight duty hours jinqasmu bejn 188 membri tal-ekwipaġġ li bħalissa qegħdin fuq kuntratt indefenit. Il-linja tal-ajru qed tipproponi li dawk il-cabin crew li qegħdin fuq kuntratt defenit ma jaħdmux aktar temporanjament sakemm ikun hemm aktar xogħol għalihom. L-Air Malta trid li l-UCC tippreżenta dawn il-proposti tagħha lill-membri biex jivvutaw dwarhom.