Ħaddiema ta’ Steward qed isofru inġustizzja – PN

Il-Partit Nazzjonalista qed jinsisti li impjegati ta’ Steward Health Care qed isofru inġustizzja hekk kif dawn qegħdin jitħallsu madwar €3,600 inqas fis-sena għall-istess xogħol li jagħmlu kollegi li huma impjegati tal-gvern.

Fi stqarrija, is-Solidarjetà Ħaddiema Partit Nazzjonalista (SĦPN) u l-Forum Professjonisti Partit Nazzjonalista (FPPN) emfasizzaw li dan kien inaċċettabbli għall-partit, u li mhux se jieqaf qabel dawn il-ħaddiema jieħdu dawk li hu tagħhom bi dritt.

L-istqarrija ħarġet wara laqgħa bejn il-kap tal-PN Bernard Grech, il-kelliem għas-saħħa Stephen Spiteri, is-SĦPN, l-FPPN u l-UĦM Voice of the Workers, flimkien ma’ rappreżentanti ta’ dawn il-ħaddiema fis-servizz tas-saħħa. Minn din il-laqgħa, qalu s-SĦPN u l-FPPN, ħareġ ċar kif dawn il-professjonisti qed ikunu diskriminati.

Fakkru li qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali, il-gvern Laburista kien ħareġ bil-wegħda ta’ equal pay for equal work, u staqsew x’sar minn din l-għajta, u x’kien qed jagħmel Robert Abela biex jibqa’ jħares il-ġustizzja soċjali kif wiegħed.

L-SĦPN u l-FPPN fakkru wkoll li dawn il-ħaddiema kienu qed jagħtu servizz impekkabli waqt l-imxija tal-Covid-19, u b’hekk kien inaċċettabbli li filwaqt li titħallas miljuni kbar kull sena, Steward tkompli tiddiskrimina kontrihom u tagħmel profitt minn fuq daharhom.

“Il-PN mhux se joqgħod kwiet qabel dawn jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt,” insistew.

Ħeġġew ukoll lill-unions oħrajn sabiex jagħmlu kif għamlet il-UĦM, u ma jibżgħux jitkellmu għad-drittijiet ta’ dawn il-ħaddiema u ma jħallu lill-ebda gvern jew entità imħallsa minn flus il-poplu tiddiskrimina mal-ħaddiema tagħha.