Ħaddiema soċjali b’tagħlima għall-politiċi

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Ħaddiema Soċjali kkundannat diskors ta’ mibgħeda li fi kliemha qed jużaw xi politiċi Maltin u persuni appuntati minnhom.
 Fi stqarrija qasira, l-Assoċjazzjoni saħqet li għalkemm temmen u tgħożż il-valur tal-espressjoni ħielsa, dan ma jfissirx li individwu jista’ jirfes fuq id-drittijiet u d-dinjità ta’ ħaddieħor.
 L-Assoċjazzjoni tappella lill-awtoritajiet biex jippromovu r-rispett għad-dinjità ta’ kull persuna u biex nies li qed jaħdmu jew jaspiraw li jaħdmu għall-pubbliku jagħmlu l-istess huma wkoll.
 Il-kodiċi kriminali ta’ Malta ma jippermettix li wieħed iqajjem xi tip ta’ mibgħeda lejn xi ħadd, kemm fiżikament kif ukoll fuq mezzi tal-midja soċjali u midja oħra.