Ħaddiema professjonali se jkollhom aċċess għad-dettalji tal-istudenti

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo ħabbar li informazzjoni personali tal-istudenti se tkun aċċessibbli biss għall-ħaddiema professjonali li jaqgħu taħt l-Att dwar Segretezza Professjonali jew li huma marbuta bil-kunfidenzjalità. 
Waqt konferenza tal-aħbarijiet konġunta mal-Ministru tad-Djalogu Soċjali Helena Dalli, il-Ministru Bartolo tkellem dwar l-Att dwar is-servizzi ta' impjieg u ta' taħriġ li se jkun jista’ jemenda l-liġi dwar l-informazzjoni tal-istudenti. 
Grupp immexxi mill-Kummissarju għall-Ħarsien tad-Data Saviour Cachia, lesta rapport dwar kif għandha tingħata l-informazzjoni meħtieġa. 
Ir-rapport qed jissuġġerixxi li fost l-oħrajn, dettalji għal skop ta’ riċerka għandhom jingħataw b’mod anonimu waqt li istituzzjonijiet edukattivi għandhom jużaw informazzjoni bi psewdonimu. 
Nhar l-Erbgħa 28 ta’ Jannar, il-Kummissjoni għall-Ħarsien tad-Data se tkun qed ittella’ seminar lill-ħaddiema tal-Gvern biex jiġu aġġornati f’dan il-qasam. 
Is-sena li għaddiet, l-Oppożizzjoni kienet ippreżentat mozzjoni biex ikun revokat Avviż Legali dwar l-informazzjoni personali li tinżamm dwar kull student. 
Dan għaliex fi kliem l-Oppożizzjoni, il-Ministru tal-Edukazzjoni kien se jkun jista’ jitlob informazzjoni personali dwar studenti mill-iktar età bikrija sakemm joħorġu mis-sistema edukattiva.
Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott