Ħaddiema msakkra fil-Barrakka ta’ Fuq

Newsbook.com.mt jinsab infurmat li ħaddiema qed jispiċċaw imsakkra fil-Barrakka ta’ Fuq bil-konsegwenza li jaslu tard għax-xogħol, għax il-grada qed tinfetaħ fis-7:00am.
Jidher li ħaddiema tad-Dwana u oħrajn li jaslu bil-lanċa mill-Kottonera, minkejja li jitilgħu bil-lift li jibda jaħdem fis-6:30am qed ikollhom jibqgħu jistennew wara l-grada sakemm min hu responsabbli jiftaħ il-grada.
Minn informazzjoni li għandu Newsbook.com.mt, għadd ta’ ħaddiema lmentaw ukoll mal-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Iżda r-responsabbilità tal-Barrakka ta’ Fuq taqa’ taħt l-Environment Landscape Consortium (ELC) u mhux taħt il-Kunsill Lokali.
Dr Ronald Cuschieri, minn dan il-konsorzju, qal li ħadd ma kkonsulta magħhom li f’salt wieħed, il-lift kien se jibda jaħdem fis-6:30pm.
Ċaħad dak li qed jingħad, jiġifieri li l-Barrakka mhux qed tiftaħ fil-ħin u qal li “f’termini legali” il-Barrakka tinfetaħ fis-7am.
Spjega li diġà kien hemm qbil li minflok fil-11pm, din tibda tagħlaq f’nosfsilejl u qal li jekk ikun hemm bżonn, isiru l-arranġamenti biex il-Barrakka tibda tinfetaħ fis-6:30pm.
Wera x-xewqa li xi ħadd jikkonsulta magħhom u jekk iseħħ dan lesti li jirranġaw l-affarijiet minn għada stess.
Ritratt: Malta Diżastru Totali !!!!!!!!