Ħaddiema full-time u part-time jiżdiedu f’Ottubru

Il-ħaddiema li kienu jaħdmu full-time f’Ottubru li għadda żdiedu b’4% fuq Ottubru ta’ sena qabel.
Ċifri tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, ippubblikati mill-NSO, juru li f’Ottubru li għadda l-ħaddiema full-time fis-settur privat żdiedu b’iktar minn 6,700 waqt li dawk fis-settur pubbliku naqsu b’10.
Fost il-ħaddiema fis-settur privat kien hemm iż-żieda ta’ iktar minn 600 f’dawk li jaħdmu għal rashom full-time. L-iktar settur li kkontribwixxa għaż-żieda kien dak fil-qasam amministrattiv jew servizzi ta’ sapport.
Fejn jidħol ix-xogħol part-time, l-ikbar żidiet kienu fl-oqsma tal-ospitalità, il-bejgħ mill-ħwienet jew bl-imnut, it-tiswija ta’ vetturi u l-qasam tal-professjonisti jew tekniċi.
Dawk li kellhom xogħol part-time u full-time żdiedu b’7.3% waqt li dawk b’xogħol part-time biss żdiedu b’4%.