Ħaddiema fl-isptar b’direttiva biex ma jagħtux kura waħedhom

Għadd ta’ ħaddiema fil-qasam tas-saħħa ġew ordnati mill-General Workers’ Union (GWU) biex ma jaċċettawx li jwettqu xogħol ta’ kura ma’ pazjenti jekk huma ma jkunux akkumpanjati minn impjegati oħra.

Fi stqarrija il-GWU qalet li dan qed isir peress li ħaddiema fis-settur tas-saħħa jistgħu jbatu riperkussjonijiet fl-impjieg tagħhom minħabba allegazzjonijiet li jistgħu jsiru fil-konfront tagħhom li ma jkunux ippruvati.

Is-Segretarju tal-GWU għall-Gvern u Entitajiet Pubbliċi Jeremy Camilleri qal li d-direttiva għandha l-għan li tipproteġi d-drittijiet u l-impjiegi tal-imsieħba tal-GWU f’dan il-qasam, kemm fl-isptarijiet kif ukoll fi djar tal-anzjani.

Il-gradi li qed jiġu affettwati minn dawn id-direttivi huma dawk ta’ Nursing Aide, Health Assistant, Care Worker, Assistant Care Worker, u “imjegati oħra fi gradi relatati mal-kura u tħaris tal-pazjent”.

Il-GWU temmet tgħid li tinsab lesta li tiddiskuti u tikkonsidra proposti biex dawn is-sitwazzjonijiet ma jibqgħux iseħħu.