Aġġornata: Ħaddiema fiċ-ċivil li jaħdmu b’kuntratt se jibdew jaħdmu b’mod indefinit, il-PN jgħid li se jirrispetta l-kuntratti tal-ħaddiema

Ħaddiema fiċ-ċivil li kienu jaħdmu b’kuntratt definit ta’ tliet snin se jibdew jaħdmu mal-Gvern b’mod indefinit.
F’laqgħa mal-ġurnalisti, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, spjega li s-sistema sal-lum kienet li bejn wieħed u ieħor kull ħames snin, isir proċess li bih ħaddiema b’kuntratt definit jinqalbu fuq impjieg indefinit.
Huwa semma diversi miżuri oħra fosthom li diversi direttivi ġew riveduti u aġġornati, filwaqt li saret enfasi fuq il-kunċett li n-nies huma r-riżorsa ewlenija li teżisti fis-Servizz Pubbliku.
Spjega li għalhekk li nħolqot il-People & Standards Division, li ħadet post il-PAHRO, u b’hekk il-kwalità tas-servizz ġiet mgħaqqda mal-immaniġjar tan-nies.
Filwaqt li fakkar li dalwaqt se jiġi ffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku Cutajar semma miżuri oħra li ttieħdu biex jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, fosthom it-teleworking li mill-2012 sal-lum kważi rdoppja.
“Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed jirrispetta l-kuntratti tal-ħaddiema taċ-ċivil” – Partit Nazzjonalista
F’reazzjoni, il-PN qal li dak il tħabbar mill-Gvern, hu dritt li introduċa l-PN u se jkun qed jiġi rrispettat kollu kemm hu bi Gvern Nazzjonalista ġdid.
Huwa qal li Gvern ġdid Nazzjonalista se jkun qed iwettaq ukoll ġustizzja ma’ dawk li ħaddiema taċ-ċivil li qed isofru diskriminazzjoni taħt il-Gvern ta’ Joseph Muscat.
Qal ukoll li l-PN fil-gvern se jkun qed jindirizza wkoll l-inġustizzja li teżisti bejn ħaddiema taċ-ċivil u ħaddiema oħra b’kuntratti li jagħmlu l-istess xogħol, iżda b’pagi inqas.
Ritratt: DOI: Omar Camilleri