Ħaddiema fiċ-ċivil iressqu protest dwar allegat transfer vendikattiv

Sitt ħaddiema taċ-ċivil ressqu protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti Ċivili kontra l-Ministru Evarist Bartolo, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo, is-Segretarju Permanenti James Calleja u ċ-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport, Jonathan Barbara.

Silvan Bugeja, Angelito Sciberras, Roderick Vella, Robert Attard, Colin Calleja u Saviour Formosa sostnew li wara l-elezzjoni ġenerali bdew isiru attakki fil-konfront tagħhom sabiex jidhru ta’ piż fil-KMS.

Huma qalu wkoll li ġew mitluba l-files tagħhom u sar awditjar tal-KMS u l-awditur qatt ma stħarreġ fuq il-karigi li jokkupaw.

Fit-3 ta’ Awwissu ċ-Chairman tal-KMS informa lill-Bord tad-Diretturi li fuq struzzjonijiet tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, l-uffiċjali ‘detailed’ kien se jkollhom dan id-‘detail’ revokat.

Il-ħaddiema saru jafu b’din id-deċiżjoni l-għada.

Huma sostnew li saru talbiet biex jiltaqgħu mas-Segretarju Parlamentari iżda din il-laqgħa qatt ma saret.

Huma qed isostnu li din id-deċiżjoni ittieħdet b’vendikazzjoni politika u għalhekk talbu lill-Qorti tgħati 24 siegħa ċans biex din id-deċiżjoni tiġi revokata.