Ħaddiem tas-saħħa li jagħmel it-testijiet tal-coronavirus jirriżulta pożittiv

Miguela Xuereb

Read in English.

Mir-riżultati pożittivi għall-Covid-19 li ħarġu mit-testijiet li saru lbieraħ, irriżulta test pożittiv f’ħaddiem tas-saħħa li fil-preżent qiegħed jaħdem fil-Covid Swabbing Centres.

Dan ir-raġel sarlu test ta’ rutina li jsir b’mod kultant żmien lill-ħaddiema tas-saħħa kollha. Għaldaqstant, il-persuna ma kellha l-ebda sintomi.

Stqarrija maħruġa mill-Uffiċċju tas-Sovritendenza għas-Saħħa Pubblika tgħid li waqt il-ħin tax-xogħol tiegħu, ir-raġel ikun liebes ilbies protettiv, għalhekk ma jkun hemm l-ebda riskju fuq klijenti li jkunu marru fiċ-Ċentru tal-Iswabs. Għalhekk, is-Supretendent ikkonkludiet li r-raġel probabbli ġie f’kuntatt mal-virus meta kien fil-komunità.

Bħala prekawzjoni, il-hub ġie diżinfettat, u se jkun qed ikompli jilqa’ klijenti fih immedjatament.

Ilbieraħ tħabbar każ wieħed ġdid tal-coronavirus, filwaqt li persuna oħra fieqet.

Il-Professur ilbieraħ qalet li 77 healthcare worker fl-Isptar Mater Dei huma kwarantina minħabba li kellhom kuntatt ma’ persuni li kellhom il-coronavirus. 246 oħra qegħdin kwarantina preventiva minħabba li huma nies vulnerabbli.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn