Ħaddiem tas-saħħa jitlob kumpens wara li ngħata trasferiment inġust

Miguela Xuereb

Ħaddiem tas-Saħħa Pubblika ngħata trasferiment minħabba lment li għamel pazjent, li l-Bord tad-Dixxiplina sab li ma kienx xieraq. Fiż-żmien li għamel trasferit, huwa tilef ammont ta’ flus sostanzjali f’benefiċċji u sahra, u għaldaqstant, qiegħed jitlob li jingħata kumpens.

Il-każ tressaq fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, peress li l-ħaddiem ġie trasferit minn sala ġol-isptar għat-Taqsima tal-Manutenzjoni, wara li pazjent għamel rapport kontrih. L-amministrazzjoni tal-isptar dehrilha li ma jkunx xieraq li l-ħaddiem jibqa’ jaħdem mal-pazjenti sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni, b’hekk ġie trasferit għat-taqsima tas-Servizz Ġenerali.

Il-ħaddiem dejjem ċaħad l-allegazzjonijiet miġjubin kontrih.

Eventwalment, il-ħaddiem kellu jidher quddiem il-Bord tad-Dixxiplina li ma sabx lill-impjegat ħati, u bagħtu lura ġos-sala. Iżda sadattant, laħqet għaddiet aktar minn sena, u għalhekk, il-ħaddiem laħaq tilef xi benefiċċji u sahra li seta’ għamel, u għalhekk qed jitlob biex jingħata kumpens tal-flus li tilef waqt li kienet għaddejja investigazzjoni dwaru, li r-rapport tal-Ombudsman jgħid li jammontaw għal eluf.

Il-Kummissarju għas-Saħħa kkonkluda li l-ilmentatur ma kienx ħati ladarba l-allegazzjonijiet saru minn persuna mhux affidabbli, u wera l-fehma li huwa m’għandux ibati l-konsegwenzi. Għalhekk, qed jirrakkomanda li l-ilmentatur jingħata l-ħlasijiet kollha li tilef.

Il-każ għadu pendenti filwaqt li l-Uffiċċju tal-Kummissarju għas-Saħħa għadu qed isegwih mad-Dipartiment.