​Ħaddiem tal-id? Għandek fuq xiex tirrifletti!

Jum il-Ħaddiem li se jiġi ċċelebrat madwar id-dinja kollha nhar il-Ħadd li ġej, is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm qed jappella għall-għoti tad-demm.
Filwaqt li jawgura fejqan ta’ malajr lil ħaddiema li dan l-aħħar weġġgħu fuq il-post tax-xogħol, qed jitlob lill-pubbliku, partikolarment lill-ħaddiema tal-id, biex jirriflettu dwar il-ħarsien tar-regoli tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Is-Servizz fakkar kif fl-2015, f’Malta u Għawdex kien hemm 3,016 inċident fuq il-post tax-xogħol.
Appella lil dawk f’saħħithom biex jersaqu jagħtu d-demm, ħalli r-riserva tkun adekwata għal dak kollu li jista’ jinqala’.
L-għoti tad-demm jista’ jsir kuljum fiċ-Ċentru ta’ Gwardamanġa bejn it-8am u s-6pm.
Nhar il-Ħadd, il-Mobile Unit se tkun maġenb l-Iskola Santa Monika fi Fleur De Lys, Birkirkara, bejn it-8.30am u s-1pm. Se jiġu offruti wkoll servizzi ta’ kejl tal-pressjoni u tal-livell ta’ zokkor fid-demm.
F’Għawdex, il-Ħadd li ġej ukoll, jista’ jsir għoti ta’ demm bejn it-8am u s-1pm fid-Dipartiment tal-Outpatients fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.