Ħaddiem imut waqt li kien qed inaddaf is-saqaf tal-mina ta’ Ħal Kirkop

CMRU

Read in English.

Raġel li kien qed jaħdem f’Ħal Kirkop spiċċa tilef ħajtu wara li nqabad bejn trakk u s-saqaf ta’ mina kmieni dalgħodu.

Fi stqarrija l-Pulizija spjegat li l-inċident seħħ fil-4.30am fi Triq l-Industrija f’Ħal Kirkop. Ir-raġel ta’ 57 sena, residenti Ħaż-Żebbuġ, kien qed jagħmel xogħol ta’ tindif tal-mina, meta għal xi raġuni, waqt li kien fuq il-trakk inaddaf is-saqaf, ir-raġel spiċċa maqbud bejn is-saqaf tal-konkos tal-mina u l-istess high-up.

Fuq il-post issejħu l-membri tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, kif ukoll tim mediku mid-Dipartiment tal-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fuq il-post.

Bil-każ kienet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Nadine Lia li ordnat inkjesta u ħatret esperti biex jassistuha. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.