Ħaddiem fl-isptar ta’ Għawdex pożittiv għall-Covid-19

Aġġornat 03:59 PM

Read in English.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li impjegat tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex instab pożittiv għall-coronavirus.

Dan ġie kkonfermat minn numru ta’ sorsi li qalu wkoll li bħalissa fl-isptar għaddejja l-proċedura tal-contact tracing. Newsbook.com.mt hu infurmat ukoll li x-xogħol tal-impjegat jirrikjedi li jdur is-swali tal-isptar. Dan is-sit bagħat mistoqsijiet lill-Ministeru għas-Saħħa u lil Steward Healthcare li hi responsabbli mill-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.

Kelliem għal Steward Healthcare kkonferma li impjegat fl-isptar irriżulta pożittiv għall-Covid-19 u li minnufih ġew segwiti l-proċeduri ta’ saħħa pubblika u kontroll tal-infezzjonijiet, inkluż contact tracing, avviż lill-awtoritajjiet tas-saħħa pubblika u miżuri ta’ ttestjar, iżolazzjoni u kwarantina għal dawk li kienu qrib l-impjegat infettat.

Il-kelliem saħaq li fl-isptar m’hemm l-ebda pazjent pożittiv għall-Covid-19.

Kif inhu ppreparat l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

“L-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex għandu pjan ta’ kontinġenza li hu konformi mal-proċess ta’ ppjanar ta’ Steward Health Care f’każ ta’ emerġenzi. Il-miżuri jiżdiedu skont in-numru u l-gravità tal-każi. F’każ ta’ bżonn jiżdiedu s-sodod (sa 145 għal kura tal-Covid-19, fosthom 25 sodda għall-kura intensiva) u Dipartiment ta’ Emerġenza ddedikat għall-Covid-19,” żied jgħid il-kelliem. Saħaq li z-zoni kollha huma mgħammra b’sistemi li jassiguraw is-sigurtà tal-pazjenti u l-impjegati.

Il-kelliem fisser kif ġew introdotti diversi protokolli u tibdil fil-policy b’konformità mal-linjigwida tas-saħħa pubblika u l-kontroll mill-infezzjonijiet. Dan sabiex ikun hemm bilanċ bejn il-bżonn ta’ akkomodazzjoni għal pazjenti bil-Covid-19, filwaqt li l-isptar ikun jista’ jkompli jagħti kura lill-pazjenti l-oħra. Il-pjan jinkorpora investiment sinifikanti fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, kemm f’termini ta’ infrastruttura kif ukoll f’tagħmir u provvisti addizzjonali. Dawn jinkludu fost l-oħrajn 25 ventilatur, monitors, oxygen concentrators, makkinarju speċjalizzat għad-dijaliżi tal-kliewi, tagħmir protettiv personali, kif ukoll għall-ewwel darba l-installazzjoni ta’ liquid oxygen reservoir fl-Isptar ta’ Għawdex.

Każ f’supermarket

Ilbieraħ f’Għawdex instab każ ieħor ta’ coronavirus f’supermarket f’Għajnsielem. Newsbook.com.mt huwa infurmat li s-supermarket ġie diżinfettat minħabba li ħaddiem ħareġ pożittiv għall-virus.

Każijiet speċifiċi ma jiġux diskussi

Mistoqsijiet li dan is-sit bagħat lill-awtoritajiet baqgħu ma ġewx imwieġba, bil-kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa tispjega li każi speċifiċi ma jiġux diskussi mal-midja. Dan jikkuntrasta ma’ dak li kien jiġri sa Mejju li għadda, fejn l-awtoritajiet tas-saħħa kienu jagħtu dettalji ta’ fejn jinstabu każijiet. Il-kelliema qalet ukoll li l-ħaddiema tas-saħħa jinsabu impenjati ħafna fost l-oħrajn bil-contact tracing.

Kemm hemm każi f’Għawdex?

L-aħħar risposta uffiċjali li rċieva dan is-sit dwar każi f’Għawdex kienet fit-3 ta’ Awwissu li għadda, meta kelliema għall-Ministeru għas-Saħħa qalet li f’Għawdex kien hemm żewġ każijiet: raġel mis-Serbja u anzjan ta’ 71 sena. Qalet ukoll li sa dakinhar ħadd ma kien qed jingħata kura għall-Covid-19 fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u li l-ebda pazjent ma kien fuq ventilator.

Fid-9 ta’ Awwissu, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal ma’ Newsbook.com.mt li f’Għawdex jeżisti każ wieħed attiv ta’ Covid-19. Min-naħa l-oħra, f’messaġġ pubbliku fuq Facebook ċaħad li f’Għawdex hemm 18-il każ u tkellem kontra min qed jallarma lill-pubbliku b’ċifri għoljin. Però, Camilleri naqas milli jgħid kemm hemm każi attivi.

Aktar ma jiżdiedu l-każijiet tal-coronavirus aktar qed jikber it-tħassib dwar l-ivvjaġġar bejn Malta u Għawdex. Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri qal lil Newsbook.com.mt li s’issa, il-Gvern mhux qed jimmira li jwaqqaf l-ivvjaġġar bla bżonn minn u lejn Għawdex, jiġifieri li jitħallew jaqsmu l-fliegu r-residenti Għawdxin biss. Madankollu, huwa spjega li qegħdin jevalwaw is-sitwazzjoni sabiex jaraw ikollhomx jieħdu xi passi bħal dawn. Iċ-Chairman tal-Gozo Channel Joe Cordina wkoll qal lil Newsbook.com.mt li s’issa m’hemmx direttivi dwar dan.

Sorsi infurmaw lil Newsbook.com.mt li xi ħaddiema li se jitilgħu Għawdex għada ntalbu provi li sejrin fuq xogħol. Dan qajjem spekulazzjoni jekk huwiex se jieqaf l-ivvjaġġar lejn u minn Għawdex bla bżonn.

Intant, illum tħabbru 31 każ ġdid filwaqt li fiequ 54 persuna.

Prof. Gauci tindirizza lill-ġurnalisti:
Konferenza dwar l-aħħar żviluppi tal-coronavirus