Ħaddiem fl-Isptar ta’ Għawdex lest jixhed kontra l-inkjesta

Ħaddiem fl-Isptar ta’ Għawdex lest jixhed kontra r-riżultat tal-inkjesta maħtura mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne dwar il-każ fejn il-ħelikopter li jintuża bħala ambulanza tal-ajru ma kienx lest biex jieħu lill-pazjent lejn l-isptar Mater Dei.

Dan qalu d-Deputat Nazzjonalista Chris Said fuq Facebook fejn ippubblika messaġġ li rċieva mingħand ħaddiem fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li huwa mmexxi minn Steward Health Care.

L-inkjesta mmexxija mill-Professur Joseph Cacciottolo ma sabet ebda nuqqas fit-trasferiment tal-pazjent bejn Għawdex u Malta nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Awwissu.

Fil-messaġġ li bagħat, il-ħaddiem jgħid hekk:

jien kont duty l-emergenza u nista nixhed taħt ġurament li filgħodu t-tobba ordnaw li l-pazjent jittieħed immedjatament Malta bil-helicopter imma dan ma kienx available.

Newsbook.com.mt segwa mill-qrib din l-istorja u seta’ jivverifika indipendentament il-fatti kif ġraw skont diversi sorsi u dokumenti.

Said fl-istqarrija tiegħu sfida lid-Deputat Prim Ministru Chris Fearne biex jippubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta fl-istess waqt qal ukoll li jekk il-Ministru jrid jieħu passi kontra tiegħu jista’ jagħmel dan biex fil-Qorti jġib dawn il-provi.

Sa issa l-Gvern la għadu ma ppubblika r-rapport sħiħ tal-inkjesta immexxija mill-Prof Joseph Cacciottolo u l-anqas ma wieġeb għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt dwar jekk hux fi ħsiebu jagħmel dan u, jekk le, għaliex.

AQRA: Provi li l-ħelikopter ma kienx hemm għall-pazjent