“Ħaddieħor komdu, pressjoni żejda fuqna” – pulizija

Pulizija | Newsbook

Uffiċjali tal-Pulizija jinsabu urtati hekk kif qed jiġu mġiegħla jaħdmu sigħat żejda, minħabba nuqqas ta’ pulizija fid-distretti. 
Sorsi qrib il-Korp tal-Pulizija qalu ma’ Newsbook.com.mt li waqt li fosthom hemm min ingħata transfer pożittiv “bl-iskop ewlieni biex jaħdem komdu”, il-pulizija fid-distretti spiċċaw taħt pressjoni biex ipattu għal dan in-nuqqas.
Imġiegħla jaħdmu ħinijiet żejda
Komunikazzjoni li ra Newsbook.com.mt turi li mil-lum, uffiċjali tal-pulizija ta’ xi distretti qed jiġu mġiegħla jaħdmu l-fixed points bħala overtime minflok skont meta jkun imisshom xogħol kif kien isir qabel. Skont is-sorsi, dan minħabba li t-transfers li saru wasslu biex naqas l-għadd ta’ pulizija disponibbli. 
Fi kliemhom is-sitwazzjoni hija prekarja, hekk kif tista’ tiġi obbligat taħdem ħinijiet, tali li tibda tagħmel overtime fil-5am u terġa’ tkun xogħol fit-8pm tal-istess ġurnata. 
“Ġejna infurmati f’inqas minn 12-il siegħa”
Mill-istess komunikazzjoni jidher ukoll li mhux se jkun possibbli jkun hemm skeda eżatta minn qabel dwar kif se  jkunu xogħol.
Is-sorsi qalu li dan se jwassal biex ma jkunux jistgħu jippjanaw il-ġranet ta’ meta suppost ikunu off, speċjalment jekk jiġu infurmati f’inqas minn 12-il siegħa kif jidher li ġara fl-aħħar sigħat. 
Dan meta skont l-istess sorsi infurmati, ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tas-6pm inħarġet l-iskeda ta’ kif se jkunu xogħol illum, b’uħud kellhom jirrappurtaw għax-xogħol barrani fil-5 ta’ dalgħodu. 
Hu mifhum li l-overtime se jkun qed jitqassam bejn kulħadd, u dawk li ma jkunux jistgħu jew jixtiequ jaħdmu dawk is-sigħat mitluba minnhom, ikollhom jagħmlu dan ta’ bilfors jekk ma jsibux lil min jista’ jidħol minflokhom. 
Madanakollu, għall-Korp din qed titqies bħala inizjattiva li permezz tagħha jkun hemm aktar pulizija on the beat.