“Ħaddieħor jiċċelebra mal-familja; jien waħdi d-dar nara film”

Ritratt: Abdishakur Mohamed Ahmed - Facebook

Filwaqt li ħaddieħor iqatta’ l-festi mal-familja, immigrant li qed jgħix Malta sostna li hu jispiċċa waħdu d-dar jara film.

Fi żmien il-Milied huma bosta dawk li jerħula għal pajjiż twelidhom f’dan iż-żmien. Madanakollu, din il-ħaġa mhix possibbli għal kulħadd u hemm bosta familji li ma jkunux jistgħu jkunu flimkien minħabba xogħol jew id-distanzi ġeografiċi li jżommuhom lura. Ħafna drabi l-vjaġġi jkunu kemmxejn perikolużi.

Abdishakur Mohamed Ahmed ilu ma jkun jista’ jmur lura pajjiżu biex jara lil familtu għal kważi sitt snin. Hu telaq mis-Somalja fl-età ta’ 17-il sena u ddeċieda li jiġi l-Ewropa. Din id-deċiżjoni wasslitu biex iħalli lil ommu u lil ħuh li kien għadu se jitwieled, warajh. Ma’ Newsbook.com.mt irrakkonta kif mat-telfa ta’ missieru kellu jsib mezz kif ikun ta’ sapport għalihom.

Fl-2012 hu telaq mid-dar ġewwa Yootey fis-Somalja u dam xahrejn sejjer lejn il-Libja. Minn hemm tela’ abbord dgħajsa u għamel tliet ijiem u ljieli jivjaġġa fil-Mediterran. Hu mbagħad kien ġie salvat u ttieħed lejn Malta. Wara li ħareġ miċ-ċentru ta’ detenzjoni f’Ħal Far, hu rċieva Protezzjoni Sussidjarja mill-Gvern Malti li tatu l-opportunità sabiex jgħix u jsib xogħol.

Bħala Musulman, il-Milied jiċċelebrah bħal-Eid. Il-familji jqattgħu ftit ħin flimkien u jagħtu rigali lil xulxin. Qal li jiftakar f’dak iż-żmien li kien iqatta’ l-festi ma’ dawk li l-aktar iħobb, iżda din illum hija biss memorja. Sostna li kull festa tinħass vojta mingħajr familtu iżda ma jarax li hemm ċans li jmur lura d-dar fiż-żmien qarib. Dan minħabba li r-riunifikazzjoni tal-familja mhix xi ħaġa li jikkwalifika għaliha mill-istatus li kiseb.