“Ħaddieħor bil-karozza tal-ambaxxata, aħna b’tal-linja għax b’xejn”

Id-deputat Laburista Manuel Mallia staqsa kif il-pajjiż irid iħajjar iktar żgħażagħ u nisa lejn il-politika billi jitilqu l-karriera tagħhom biex finalment jieħdu €1,200 fix-xahar.

“Kif tista’ tħajjar persuna tidħol fil-politika meta politiku f’Malta hu persuna żvantaġġjata?” hu staqsa.

Huwa qal li l-politiċi joqogħdu lura milli jiżdiedu fil-paga tagħhom biex ma jispiċċawx f’għajn il-kritika “għax ħadu ħsieb tagħhom infushom”.

Waqt l-intervent tiegħu fil-Parlament, Mallia qal li hu jistħi jgħid li hu l-kap tad-delegazzjoni Maltija fi Strasburgu, minħabba li għad-differenza tad-delegazzjonijiet l-oħra li jgħaddu għalihom bil-karozzi tal-ambaxxata, huma jridu jqumu fis-6.30am u jaqbdu l-karozza tal-linja għax b’xejn. Huwa qal li joqgħod f’lukanda 3-star bla arja kundizzjonata.

“Dan qed ngħidu biex min jaħseb li min qiegħed fil-politika qed jgħix ħajja ta’ lussu allura jkun jista’ jifhem effetivament għalxiex qed ngħid,” hu saħaq.