Trid tiffranka d-dawl…ħaddar bejtek

Jekk trid tiffranka d-dawl b’40%, speċjalment fix-xhur sħan tas-sajf, le, mhux bilfors twaħħal il-pannelli tax-xemx…tista’ tagħżel li tħaddar bejtek.
Proġett immexxi mill-Università ta’ Malta, u li ġie fi tmiemu lbieraħ wara 4 snin ta’ riċerka, juri bil-provi li l-hekk imsejħa ‘bjut imħaddra’, jiġifieri bjut li jkun fihom ammont mhux ħażin ta’ pjanti u ħxejjex oħra, għandhom irwol importanti li jrendu l-irħula u l-ibliet aktar sostenibbli billi jnaqqsu l-problemi li nsibu f’dawn il-postijiet; problemi bħan-nuqqas ta’ arja pura, l-għargħar u mard relatat.
Instab ukoll li bejt imħaddar, b’kuntrast ma’ dik li tissejjaħ ‘infrastruttura griża’, jiġifieri dawk l-istrutturi bħal gandotti mibnija, kapaċi jnaqqas l-għargħar, u għalhekk jibbenefika kemm is-sid, is-soċjetà u l-ambjent.
L-hekk imsejħa ‘infrastruttura ħadra’ tinkludi fost l-oħrajn bjut imħaddra, ġonna, siġar fit-toroq, u pavimenti li jgħaddi l-ilma minnhom.
L-istudju kkonferma wkoll li bejt imħddar inaqqas ix-xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-bini minħabba li jitnaqqas iċ-ċaqliq fil-bini riżultat ta’ temperaturi li jvarjaw. 
Bejt imħaddar jipprovdi ikel u kenn għal diversi ħlejjaq slavaġ bħan-naħal u speċi oħrajn ta’ benefiċċju. 
Barra minn hekk, huwa ferm aktar rilassanti li titla’ fuq il-bejt u tara bjut imħaddra oħrajn, milli ċapep ta’ bini.
Il-mexxejja tal-proġett qed jipproponu li din it-teknoloġija tiġi ripetuta fuq skala nazzjonali, u pprovdew 2 dokumenti li juru kif dan għandu jsir.
Aktar kmieni dis-sena, iltaqgħu mal-Gvern u l-Oppożizzjoni sabiex tiġi diskussa l-possibiltà ta’ implimentazzjoni fuq skala nazzjonali.
Wieħed jista’ jaqra dawn id-dokumenti, u jsir jaf aktar dwar il-proġett, fuq is-sit www.lifemedgreenroof.org 
Ritratti: www.lifemedgreenroof.org