Ħadd u xejn ma jeħlisha fil-Qarċilla

Il-Qarċilla hija farsa popolari u bdiet fil-karnival Malti tas-seklu tmintax fil-Belt Valletta u wkoll fl-irħula. Kienet mietet fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, u d-Dipartiment tal-Malti fl-Università rxuxtaha ftit tas-snin ilu. 

L-ewwel Qarċilla li waslitilna hija tal-1760 u kitibha awtur bravu minn Bormla, Dun Feliċ Demarco. Kien ikollok żewġt irġiel wieħed ta’ Nutar u l-ieħor tal-għarus. Fuq rasu l-għarus kien ikollu ġewlaq bi xbieha tal-għarusa magħmula mill-għaġina. In-Nutar kien jieqaf fil-kantunieri u b’vuċi għolja jqabbel u jivvinta, taparsi qiegħed jagħmel kuntratt ta’ żwieġ f’sura ta’ poeżija mimlija ċajt, żufjett u kliem doppju sens b’kitba mqabbla u mimlija ħmerijiet u botti. Wara li n-Nutar jagħmel dan il-kuntratt umoristiku taż-żwieġ, in-nies li kienet tinġabar madwaru kienet tinfexx tqatta’ u tiekol mill-għarusa tal-għaġina.

Fl-antik dan il-kuntratt burlesk aktarx kien jinkiteb minn saċerdoti u predikaturi bħal Dun Feliċ Demarco li kiteb id-dramm, “Żwieġ la Maltija”. In-nies kienu jistennew b’ħerqa kbira sabiex jieħdu sehem u jinvolvu ruħhom fl-għajat, fl-istorbju, fil-briju, fil-kant, fiċ-ċapċip u saħansitra jwaddbu xi oġġetti.

Il-Qarċilla tal-Karnival tas-sena 2020 għandha t-titlu ta’, “Kitba taż-żwieġ bejn Charmaine Borg Vella u Benjamin Musú hekk kif imniżżla fl-atti tan-Nutar Ugolino Piccinino”.

Il-Qarċilla ta’ din is-sena hija satira soċjali mill-pinna ta’ Ċikku l-Poplu, l-alter ego tal-mużiċist Alex Vella Gregory li jaf xi ħaġa jew tnejn fuq is-satira u l-affarjiet imqarbin, bħalma kien jaf u bħalma kien imqareb Dun Feliċ.

Fl-aħħar wasal il-jum tant mistenni minn Benjamin Musú u Charmaine Borg Vella! Il-jum li fih jiddikjaraw imħabbithom quddiem in-Nutar. Daż-żmien ma tistax tafda, hekk qaltilha lil Charmaine is-Sinjura Josephine Borg Vella, li għandha seba’ mitt sena sabiex fl-aħħar teħles mit-tifla fonqla li għandha. U Charmaine fonqla xi ħaġa! Alla ħares min imqar jolqotha bil-ponta ta’ subajgħ iż-żgħir, għax storja tagħmel! 

Mill-banda l-oħra, Mosé Musú wkoll jixtieq li jara lill-ibnu ssetiljat, u b’xi ftit eredi għall-imperu tan-negozju li għandu. Anke s-sinjura Mary-Sue Musú tixtieq tara lil binha x’imkien, basta mhux ma’ saqajha. Iżda mhux kollox daqshekk faċli! Biss biss, ħadd ma jaf x’sar minnu missier l-għarusa (saqsejna lil Josephine iżda t-tweġiba mhux ta’ min jistampaha). U dawk it-tlett irġiel li jaħdmu ma’ Mosé Musú, dawk min huma? Kif donnhom jafu kollox? Imn’alla jkun in-Nutar Ugolino Piccinino li tant hu flessibli fl-interpretazzjoni tal-Liġi, speċjalment b’donazzjoni xierqa!

Ħadd u xejn ma jeħlisha: politikanti, negozjanti, avukati, ambjentalisti, u fuq kollox aħna stess li tant ingħalaqna fid-dinja virtwali tagħna li nsejna kif inħobbu. Kulħadd iffissat fuqu nnifsu, kulħadd irid biss igawdi…u ż-żwieġ sar biss kuntratt. U fuq kollox x’inhi l-ikbar imħabba li għandna llum il-ġurnata? Ħaġa waħda inħobbu: lilna nfusna!

Għal darb’oħra il-produzzjoni u direzzjoni hi f’idejn Joseph Galea, bis-sehem ta’ Tikka Banda. Jieħdu sehem, Sandro Vella fil-parti tal-manifku nutar Ugolino Piccinino; Svetlana Camilleri fil-parti ta’ Rosanne “Rożina” Borg, is-seftura, is-segretarja u l-kap eżekuttiv tal-uffiċċju tan-Nutar; Ryan Galea fil-parti tal-għarus Benjamin Musú; Rachel Micallef fil-parti tal-għarusa Charmaine Borg Vella; Patrick Tanti fil-parti tal-papa’ tal-għarus Mosé Musú; Maria Galea Farrugia fil-parti tal-mama’ tal-għarus Mary-Sue Musú “Mrs Musu”; Stephanie Sacco fil-parti tal-mama’ tal-għarusa Josephine Borg Vella; Karl Schembri fil-parti ta’ Tikku l-kelb; Matthew Balzan fil-parti ta’ nofs raġel; Nathaniel Galea fil-parti ta’ nofs raġel; u Fabio Mifsud fil-parti ta’ nofs raġel.

Ir-rappreżentazzjonijiet huma bla ħlas u sejrin isiru fi Pjazza San Ġwann, quddiem il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Il-Belt Valletta f’dawn il-jiem u ħinijiet:

Is-Sibt, 22 ta’ Frar, 2020: fil-ħin tal-4 ta’ waranofsinhar, fil-ħin tal-5 ta’ waranofsinhar, fil-ħin tas-6 ta’ filgħaxija, u, fil-ħin tas-7 ta’ filgħaxija. Il-Ħadd, 23 ta’ Frar, 2020: fil-ħin tat-3 ta’ waranofsinhar, fil-ħin tal-4 ta’ waranofsinhar, fil-ħin tal-5 ta’ waranofsinhar, u, fil-ħin tas-6 ta’ filgħaxija.