Filmat: Ħadd qatt ma ftaqar bil-karità – Paul Gauci

Read in English.

Mhux ta’ spiss li jkollok persuna li tagħti mill-ġid personali tagħha aktar milli jinġabar fl-Istrina. Dan huwa dak li għamel Paul Gauci, propjetarju tal-PG group meta qassam b’kemm jiswew €7 miljun f’ishma lil ħames istituzzjonijiet tal-karità. Is-Sorijiet tal-Ursolini, Puttinu Cares, Dar Bjorn, Fondazzjoni Sebħ u The Malta Trust Foundation ingħataw ishma mill-fondi personali ta’ Paul Gauci.

“Ħadd qatt ma ftaqar bil-karità,” qal Gauci f’kumment li ta lil Newsbook.com.mt. Qal li din l-idea ġietu kmieni filgħodu “…għax dak il-ħin l-aktar li jiġuni l-aħjar ideat,” tbissem Gauci. Żied li kien ilu biex jara kif jista’ jagħti ftit mill-patrimonju li bena lill-karità imma, minħabba li l-kumpanija kienet ta’ sid wieħed biss, dan kien diffiċli ħafna biex isir.

Is-sur u s-Sa Gauci (Ritratt: Miguela Xuereb)

Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Charles Borg spjega lil Newsbook.com.mt li malli l-kumpanija saret waħda pubblika, il-ħsieb li kellu Paul Gauci seta’ jitwettaq. Gauci għandu 75% tal-ishma fil-kumpanija allura din l-għotja tkun biss se taffettwalu marġinalment is-saħħa tiegħu fil-kumpanija. Borg spjega li l-għotja ma għandha taffettwa bl-ebda mod lix-shareholders fost il-pubbliku.

Madre Roberta tal-Ursolini (Ritratt: Miguela Xuereb)

Kummenti mill-benefiċċjarji kienu kollha ta’ radd il-ħajr u ta’ tifħir għal din l-inizjattiva li se tibqa’ trendi tul ix-xhur u s-snin. Il-Madre tal-Ursolini, Sr Roberta qalet “infqajt nibki xħin qalli u tlaqtu hemm biex mort niġri fil-Kappella ħalli ngħidlU ‘Grazzi’ għax lanqas stajt nemmen” qalet is-soru li wiċċha kien xhieda ta’ snin ta’ mħabba lejn it-tfal li rabbiet qishom tagħha. 

Kemm Yvonne Vella tal-Fondazzjoni Sebħ kif ukoll il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca semmew kif dawn il-flus kienu se jgħinuhom jissuktaw fil-ħidmiet filantropiċi tagħhom. 

Filmati: Miguela Xuereb