Filmat: “Ħadd mill-PN mhu korrott” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-rapport tal-inkjesta Egrant wera li ħadd mill-Partit Nazzjonalista mhu korrott. Huwa qal li l-eks Kap tal-PN Simon Busuttil ma kienx qed jigdeb u ħadd mhu t-traditur ta’ Malta.

Fil-każin tal-PN tal-Isla, Adrian Delia qal li fl-Inkjesta Egrant hemm “irrakkuntat il-ħtif u l-istupru tal-pajjiż”. Stqarr li l-ogħla esponenti tal-Gvern kienu kompliċi għaliex kienu jafu li qed issir il-kriminalità u ma għamlu xejn.

Simon Busuttil ma kienx qed jigdeb, ħadd mill-PN mhu korrott u ħadd mhu traditur ta’ Malta.

Delia qal li l-Partit Nazzjonalista m’għandux bżonn bidla imma qal li hemm bżonn bini mill-ġdid. Appella għall-umiltà biex isiru r-riformi u jiġu aċċettati dawk kollha li jridu jaħdmu mal-PN.

“Intilef mowbajl”

Il-Kap tal-PN qal li mowbajl jekk jintilef fis-seklu 21 jista’ jinstab f’siegħa. Huwa kien qed jirreferi għax-xhieda fil-Qorti fejn sar magħruf li l-Pulizija ma ġabrux il-mowbajl ta’ Keith Schembri minħabba li qalilhom li tilfu. Qal li apparti l-mowbajl, intilfet il-fiduċja fl-awtoritajiet u fl-istituzzjonijiet li suppost iħaddmu demokrazija.

Huwa kkundanna lill-Korp tal-Pulizija u qal li qiegħed jipproteġi l-ikbar kriminali. Spjega li ntilfet il-fiduċja fl-Avukat Ġenerali minħabba li l-Qorti ddikjarat li kiser il-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u d-drittijiet tiegħu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Adrian Delia qal li ppubblika r-rapport sħiħ għaliex qal li l-verità trid tidher quddiem il-pubbliku u għaliex għal din l-inkjesta tħallsu miljun Ewro biex saret.

Bħala messaġġ tal-Milied, Delia qal li jrid iwassal messaġġ ta’ tama li l-ġustizzja trid issir.