“Ħadd mhu jirrealizza l-problema tal-massa fl-iskejjel” – UPE

Il-Unjin tal-Edukaturi Professjonali (UPE) qalet li tittama li l-għalliema ma jibqgħux siekta fis-sitwazzjoni tal-COVID-19 u l-ftuħ tal-iskejjel u jibilgħu u jilqgħu kollox li jingħad.

F’post fuq Facebook il-Unjin qalet li hawn ċertu nies li ma jafux x’verament ikun hemm fl-iskejjel u li qed tittama wkoll li ladarba kulħadd sar numru u li qed nimxu skont in-numri, kull min jehda bin-numri, ikun konxju li skola sekondarja tal-Istat jew Indipendenti u tal-Knisja tilqa’ fiha qrib 1000 persuna kuljum,  filwaqt li skejjel tal-primarja fihom madwar 500 persuna kuljum.  Sostniet li skola la hi ħanut, la restorant, la uffiċċju u lanqas ħanut tax-xagħar.

Il-Unjin qalet li huwa importanti li joħorġu n-numri ta’ kemm kull skola tilqa’ nies fiha, u ssir evalwazzjoni jekk l-ispazji humiex vera adatti għal dak li qed jissuġġerixxu l-awtoritajiet dinjija tas-saħħa. Il-UPE qed issostni li wieħed żgur ma jistax jilgħab bin-numri żgur f’dawn iċ-ċirkostanżi u li tixtieq tara li min se jieħu r-responsabbilta’ li jħalli l-iskejjel jinfetħu, hux se jieħu responsabbilta’ għal kull individwu li għal xi raġuni jlaqqat dan il-virus.

Il-UPE staqsiet kif se jiġi ‘ordnat’ li wieħed jibqa’ ’l bogħod mill-post tax-xogħol minħabba deċiżjoni għaġġelija biex infitxxu niftħu l-iskejjel?. Hija sostniet li n-nies mhumiex numri u li l-għalliema u l-istudenti huma individwi u li huma responsabbli għal ta’ madwarhom. Dawn in-nies li qed jiddeċiedu għandhom ukoll ikunu responsabbli għal dawk ta’ ‘taħthom’.

Il-Unjin stqarret li ż-żagħżagħ mhux qed jistennew l-iskola biex jissoċjalizzaw bejniethom u li min qed jgħid hekk, vera maqtugħ miż-żgħażagħ u qed jgħix f’dinja għalih. Żiedet tgħid li ż-żgħażagħ għandhom modi tagħhom kif jissoċjalizzaw aktar milli wieħed jaħseb u li jekk xi ħadd vera interessat fiż-żgħażagħ, għandu jistaqsihom direttament u mhux jemmnu teorija vaga ta’ xi ħadd li lanqas huwa midħla tagħhom.

Il-UPE temmet tgħid li t-tagħlim onlajn huwa s-soluzzjoni għal dan iż-żmien delikat.