Ħadd m’għandu japprofitta ruħu f’dan il-mument ta’ kriżi – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia wissa lill-Gvern biex mill-bini tal-isptar pre-fabbrikat, ħadd ma japprofitta ruħu f’dan il-mument ta’ kriżi.

Meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar l-abbozz ta’ liġi li jemenda l-att dwar is-saħħa pubblika, Delia qal li qed togħkru għajnu meta s-sejħa internazzjonali se tingħalaq wara tliet ijiem biss.

Hu staqsa kif, jekk il-Gvern ilu jaf 75 ġurnata li l-marda qed tinfirex, għaliex l-offerta għal dan l-isptar fabbrikat qed tinħareġ illum u qed jingħata tliet ijiem biss biex l-offerta tkun sottomessa.

Delia qal li l-marda tinsab fil-pajjiż u qed tinfirex u staqsa jekk l-Gvern tkellimx ma’ Steward u jekk Steward hux se jipprovdi l-apparat lill-poplu Malti. Hu stqarr li poplu Malti għandu jkun jaf x’qed jagħtu lura Steward fis-siegħa tal-prova.

Delia qal li l-Gvern ftaħar bil-blockchain u argumenta li Malta tista’ tkun pajjiż li fih il-Gvern ikollu l-informazzjoni meħtieġa dwar il-persuni permezz tat-teknoloġija. Dan jiswa €8 kull persuna għal total ta’ €5 miljuni u din hija spiża sostenibbli fid-dawl tan-nefqa li l-Gvern qed jikkommetti għall-ġlieda kontra l-virus.

Hu żvela li għall-ewwel darba tkellem mal-Prim Ministru Robert Abela dwar is-sitwazzjoni preżenti u filwaqt li rringrazzjah, tenna l-appoġġ tal-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, appella biex kulħadd jegħleb il-biża’ u kulħadd jobdi l-ordnijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

“It-triq hi iebsa u twila u ma nafux kemm se tkun twila u iebsa,” temm jgħid Adrian Delia.

Spiteri kien mistieden u m’attendiex – Fearne

Fil-winding up, Fearne qal li d-deċiżjoni dwar l-Isptar pre-fabrikat ittieħdet is-Sibt li għadda f’laqgħa teknika li għaliha ġie mistieden ukoll il-kelliem ewlieni tal-PN Stephen Spiteri. Huwa qal li minkejja li Spiteri m’attendix għal din il-laqgħa ċempillu wara u qallu prosit għad-deċiżjoni li ttieħdet.

Huwa qal li s-Supretendent tas-Saħħa pubblika Prof. Charmaine Gauci għandha responsabbilitajiet kbar fuq spallejha. Huwa qal li jekk ikun hemm xi avukat li jkollu jġedded l-konvenju b’xi xahar, jieħu paċenzja għax l-importanti hi s-saħħa tal-Maltin.

Fit-tmiem is-seduta, id-deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-Gvern kien qed jilqa’ l-emendi tal-Oppożizzjoni li għandhom l-għan li jsaħħu l-liġi. Min-naħa tiegħu, Jason Azzopardi qal li ż-żewġ naħat urew maturità kbira u għaqda għal ġid nazzjonali.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn