“Ħadd m’għandu jabbuża mill-proprjetà ta’ ħaddieħor”; multa ta’ €1,200

Il-Maġistrat Joe Mifsud saħaq li ħadd m’għandu jabbuża mill-proprjetà ta’ ħaddieħor. Dan fid-dawl tal-każ ta’ raġel li kien qed imexxi ristorant fuq proprjetà tal-Knisja, u li nstab li kien qed jagħmel dan mingħajr il-liċenzji meħtieġa. Ir-raġel weħel multa ta’ €1,200.

Ir-raġel, Ciro Napolitano kien imexxi r-ristorant fi Pjazza Kastilja l-Belt.

Il-post li kien irreġistrat bħala “club”, Migrants Social Centre bejn l-1 ta’ Jannar u 31 ta’ Diċembru 2017.

Fil-Qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ħareġ li Napolitano kien qiegħed fil-proċess li jaqleb il-liċenzja f’ismu kif ukoll kien hemm applikazzjoni pendenti mal-Awtorità tat-Turiżmu biex jinħarġu għad ta’ mwejjed barra. B’hekk il-Qorti sabet li Napolitano kien jaf li l-liċenzja kellha bżonn tgħajjat lilu u mhux il-post u nnuttat kif kien qed jabbuża mis-sistemi ta’ liċenzji ta’ Malta hekk kif kien qed jopera minkejja li ma kellux l-liċenzji neċessarji.

Ħareġ ukoll li l-Kunsill Lokali tal-Belt kien ilmenta dwar l-imwejjed u s-siġġijiet li tpoġġew barra.

Meta l-Pulizija marru fl-istabbilment fit-30 ta’ Settembru, Napolitano naqas milli jurihom il-liċenzji meta dawn saqsew għalihom.

Ir-raġel instab ħati li kien qed jopera mingħajr il-permessi neċessarji u għaldaqstant instab ħati tal-akkużi miġjuba kontrih u weħel multa ta’ €1,200.

Il-Qorti ordnat ukoll li kopja tas-sentenza tintbgħat lill-Arċidjoċesi ta’ Malta minħabba li Dar Emigrant hi proprjetà tal-Arċidjoċesi biex “ma jippermettu lil ħadd” jabbuża mill-proprjetà tagħhom.