“Ħadd m’għandu dritt ibigħ art pubblika” – Arnold Cassola

Iċ-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika Arnold Cassola qal li l-art pubblika hi ta’ kulħadd u għandha tiġi protetta. Saħaq li għalhekk ħadd m’għandu jedd jeħodha u jbigħha.
F’konferenza tal-aħbarijiet f’Tas-Sliema, il-Profs. Cassola stqarr li l-proġett tal-MIDI f’Tigne huwa eżempju ta’ kif l-affarijiet m’għandhomx isiru.
Saħaq li r-residenti tal-Gżira sfaw mirduma b’diversi proġetti fosthom bini għoli li qed jagħmel il-ħajja tan-nies diffiċli.
Spjega li l-AD qed tipproponi li la l-MIDI naqset li żżomm mal-kuntratt, Manoel Island għandha tmur lura għand il-Gvern biex issir park nazzjonali.
Huwa elenka wkoll il-proġett ta’ Town Square u l-Forti Cambridge u qal li dawn qed jifgaw ir-residenti ta’ Tas-Sliema.