Ħadd ma weġġa’ bil-missili sparati lejn is-suldati Amerikani – Trump

Reuters

Il-President tal-Istati Uniti Donald Trump qal li l-missili li ġew sparati mill-Iranjani fl-Iraq ma għamlux ħsara lit-truppi tal-Istati Uniti u l-ħsara kienet minima. Trump kompla li dan juri li Tehran ma riedx li l-kunflitt ikompli jeskala.

Il-forzi Iranjani sparaw missili lejn il-bażi tat-truppi tal-Istati Uniti fl-Iraq kmieni l-Erbgħa filgħodu. Il-forzi Iranjani qalu li din hija ritaljazzjoni għall-qtil permezz ta‘ drone tal-kmandat Iranjan Qassem Soleimani fit-3 ta‘ Jannar li għadda.

Trump ikkomferma li s-suldati ma ġralhom xejn u l-ħsara li saret kienet minima. Żied li jidher li l-Iran għamlet pass lura u dan huwa pass tajjeb għal kulħadd.

Min-naħa tal-uffiċjali Iranjani, ma kienx hemm reazzjoni immedjata għal dak li qal Trump. Min-naħa tiegħu l-mexxej tal-Iranjani Supremi Ayatollah Ali Khamenei fl-indirizz tiegħu lill-Iranjani miġbura qal li l-attakki tal-Iranjani fuq l-Istati Uniti huma daqqa ta‘ ħarta. L-Iranjani miġbura bdew jgħajtu, ‘mewt għall-Istati Uniti.‘ Il-mexxej insista li t-truppi Amerikani għandhom jitilqu mir-reġjun.

Aktar kmieni din il-ġimgħa l-President Donald Trump wissa li l-Istati Uniti lesti jimplimentaw sanzjonijiet ħorox jekk l-Iraq tkeċċi t-truppi Amerikani bħala ritaljazzjoni għall-attakk Amerikan fuq Bagdad fit-3 ta‘ Jannar li għadda. L-attakk wassal biex qatel wieħed mill-aqwa uffiċjali Iranjani.