“Ħadd ma seta’ jippreparani għas-sejba ta’ tarbija” – Georgiana

Hector u Georgiana xi żmien ilu għamlu esperjenza missjunarja fl-Indja mal-Mission4Changes. Magħna qasmu bosta sitwazzjonijiet li għaddew minnhom. Iżda kif beda kollox?

“Aħna minn dejjem urejna x-xewqa li mmorru għall-missjoni, u b’hekk inkunu nistgħu nużaw il-ħiliet professjonali tagħna biex ngħinu lil min hu fil-bżonn, lil hinn minn art twelidna. Għalhekk, din il-missjoni ġiet bħax-xoqqa f’moxta, sabiex bħala koppja miżżewġa, ngħaqdu ż-żewġ professjonijiet tagħna f’daqqa, u naħdmu fuq proġett ieħor, mal-Mission4Changes. Xogħlna kien li mmorru ngħixu f’orfanatrofju tat-tfal abbandunati, flimkien mas-sorijiet ġewwa Jhansi, fl-Indja,” bdew biex jirrakkuntaw,

Georgiana, li hija tabiba, qalet li  kienet teżamina lit-tfal kollha residenti hemmhekk, u tagħmel rapporti mediċi dwarhom, flimkien ma’ pjan għall-immaniġjar tal-kundizzjonijiet tagħhom.

Hector, xogħlu kien li bħala inġinier, kien jagħmel evalwazzjoni tal-binjiet tal-orfanatrofju, u jagħti s-suġġerimenti professjonali tiegħu, fuq kif jistgħu jiġu mtejbin il-kundizzjonijiet tal-bini, dawl, ilma, u potenzjalment jekk hemmx lok fejn wieħed jista’ jimraħ fuq proġetti sostenibbli oħrajn, bħall-installazzjoni tal-panelli solari, li jistgħu jiżdiedu mas-sistemi ta’ ‘solar water heaters’ li kienu diġa’ ġew installati fil-passat, f’xi wħud mill-kumplessi.

“Fil-mawra tagħna f’Jhansi, konna akkumpanjati minn tlett persuni oħra: Simon, Thomas u Christopher, li xogħlhom kien fuq il-manutenzjoni u t-tibjid ta’ binja ġdida, li kienet se sservi ta’ dormitorju ġdid għat-tfal. Din il-binja tikkonsisti minn sitt ikmamar tas-sodda, mifruxa fuq żewġ sulari. Aħna b’kollox qattajna madwar għoxrin ġurnata, fl-Indja, u f’dan l-artiklu ser nkunu qed naqsmu diversi esperjenzi li għaddejna minnhom hemmhekk; kif wkoll, inħeġġu lil qarrejja biex huma wkoll jmorru jesperjenzaw il-ħajja tal-missjoni, barra minn xtutna,” żiedet tgħid Georgiana.

Meta waslu Jhansi marru jgħixu fl-orfanatrofju li kienu se jservu fih. Ġew milqugħa minn madwar 50 tifel u tifla, u 10 sorijiet.

“L-ammont ta’ ferħ u tbissim li rajna fosthom, waqt it-tqassim tad-donazzjonijiet, huwa indeskrivibbli,” komplew jirrakkontaw  hekk kif tkellmu dwar meta qassmu xi rigali li tellgħu magħhom.

“Minn qabel ma’ ġejt għall-missjoni kont irrassenjajt ruħi, li rrid naddatta għas-sitwazzjoniijiet anomali li nista’ niltaqa’ magħhom, u kif wkoll, li se nkun qed nipprattika l-professjoni medika, f’ambjent limitat u bażiku. Bħala tabiba, kont mistennija li nuża’ biss idejja u għajnejja sabiex neżamina lit-tfal, minħabba li t-testijiet u l-investigazzjonijiet avanzati, m’humiex aċċessibli. Din it-tranżizzjoni professjonali, kienet pjuttost ta’ sfida għalija, wara li kont imdorrija fil-livell għoli ta’ kura tas-saħħa Maltija, pero’ għinitni wkoll biex insaħħaħ il-ħiliet dijagnostici tiegħi, filwaqt li b’qalb kbira, għint ħafna tfal fil-bżonn.  Minkejja kollox, ħadd u xejn ma’ seta’ jippreparani għas-sejba ta’ tarbija, li ġiet ppreżentata lili fil-klinika, wara li s-sorijiet kienu sabuha mormija barra, f’tank taż-żibel,” irrakkontat hi.

Din it-tarbija kienet għadha ta’ ftit jiem biss, minħabba li biċċiet mill-kurdun kienu għadhom ma nixfux kompletament. Dak il-ħin infixklet. Iżda minn kif qalulha s-sorijiet, sfortunatament dawn iċ-ċirkostanzi diffiċli u ta’ qsim il-qalb bħal dawn, huma pjuttost frekwenti għalihom.

Din hi biss waħda mill-ħafna stejjer li huma ltaqgħu magħhom. Fost dawn hemm storja pjuttost xokkanti fosthom dik ta’

Ananiya, tarbija li sfortunatment il-bhejjem tat-triq laħqu kielulha partijiet minn riġlejha, qabel ma’ ġiet misjuba mis-sorijiet. Tarbija vulnerabli oħra kienet Akansha, li minkejja li kellha partijiet sostanzjali minn moħħa neqsin, rnexxielha tgħix sa’ sentejn. U xi ngħidu għal Rohit, li twieled b’kundizzjoni li tillimitalu l-funzjoni ta’ jdejh, iżda xorta waħda ssibu minn ta’ l-ewwel biex jivvinta’ xi praspura, flimkien ma’ oħtu Karishma, li hija tfajla ħelwa ta’ erba’ snin, li l-karattru tagħha serqilna qalbna.

Hekk ukoll Jyothi, tfajla ta’ 15-il-sena, li tagħmel x-xemgħat, li permezz tal-bejgħ tagħhom, tista’ tgħin lis-sorijiet b’introjtu għall-orfanatrofju.

Dawn huma biss mill-ħafna stejjer u Hector u Giorgiana temmew  qalu li l-missjoni ġegħlithom iħarsu lejn id-dinja minn lenti differenti.

“Il-missjoni hija esperjenza umanitarja li nirrakomandaw lill-dawk kollha li jħossu s-sejħa sabiex ikunu ta’ għajnuna, u jservu ta’ ġid għan-nies, ferm inqas ixxurtjati minnha,” temmew jgħidulna.