Ħadd ma nstab pożittiv għall-coronavirus aktar minn darba – Fearne

Miguela Xuereb

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne  qal li l-ebda persuna li fiqet mill-coronavirus ma reġgħet ħarġet pożittiva għat-tienie darba.

Dan qalu fil-Parlament hu u jwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Nazzjonalita Chris Said.

L-għadd ta’ persuni li fiqu f’Malta s’issa jammontaw għal 596 persuna li rkupraw. Bħalissa f’Malta hawn 26 każ attiv ta’ coronavirus. Mill-bidu tal-pandemija tal-Covid-19 s’issa saru 77,033 swab test. F’Malta dan il-virus qatel disa’ persuni.

“Il-pjan ta’ tranżizzjoni kien diskuss ma’ Prof. Gauci”

Hu u jwieġeb mistoqsija tad-Deputat Mario Galea, il-Ministru Fearne qal li l-pjan ta’ tranżizzjoni ta’ miżuri ġie diskuss b’mod kontinwu bejn is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika u l-mexxejja politiċi, inkluż il-Prim Ministru.

Galea staqsa jekk Prof. Charmaine Gauci kinitx ikkonsultata qabel dwar il-miżuri li ħabbar il-Prim Ministru l-Ħadd 31 ta’ Mejju waqt li kien intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista. Hu kien ħabbar il-ftuħ tal-gyms, bars, il-Qorti u l-eventwalità tal-ftuħ tal-portijiet għat-turiżmu.

“Il-bidliet fil-ġenetika tal-virus ma kinux sinjifikanti”

Galea staqsa wkoll dwar jekk f’Malta hemmx indikazzjoni ta’ mutation tal-virus biex sar inqas effettiv jew inqas fatali. Il-Ministru Fearne wieġeb jgħid li huwa diffiċli biex wieħed ikun jaf bil-preċiż xi tfisser bidla fis-sekwenza tal-ġenetika tal-virus. Qal li minn analiżi f’ħafna pajjiżi Ewropej, jidher li l-bidliet fil-coronavirus kienu żgħar u mhux sinjifikanti.

“Il-moniteraġġ f’Malta bbażat fuq in-numru ta’ każi ġodda kuljum”

Id-Deputat Galea staqsa lil Fearne jekk f’Malta hawnx sistema ta’ alert system kif għandhom l-Ingilterra. Fearne qal li l-moniteraġġ tal-coronavirus f’Malta huwa bbażat fuq in-numru ta’ każijiet ġodda ta’ kuljum, moniteraġġ ta’ każijiet b’kuntatti mhux magħrufa kif ukoll ir-rata ta’ tixrid magħruf bħala Rt factor. Bħalissa l-Rt factor f’Malta huwa ta’ 0.6.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn