Ħadd ma miet fuq il-post tax-xogħol fi 3 xhur

Bejn April u Ġunju ta’ din is-sena ma kien hemm l-ebda inċident fatali fuq il-post tax-xogħol. Dan b’kuntrast mas-sena li għaddiet fejn tilfu ħajjithom żewġ persuni.
Skont statistika maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, f’dawn it-tliet xhur, il-ħaddiema li weġġgħu fuq il-post naqsu b’39 jew b’4.5%, għal 820. Dan meta mqabbel mal-istess perjodu tal-2013.
L-ikbar għadd ta’ inċidenti ġew irreġistrati fis-settur tal-manifattura bi 22.8%, segwit mis-settur tal-kostruzzjoni b’16.8%, akkomodazzjoni u servizzi tal-ikel b’10.7% u trasportazzjoni b’10.5%.
Il-maġġor parti tal-persuni li weġġgħu kienu jagħmlu xogħol elimentari u dawk li jagħmlu s-snajja’.
Aktar minn 25% tal-inċidenti seħħew fost dawk li għandhom bejn 25 u 34 sena.
L-iktar komuni kienu ġrieħi fosthom ġrieħi ħfief, żlugar fl-għadam, tensjoni fil-muskoli u tfekkik.
Kważi nofs l-inċidenti li seħħew fuq il-post tax-xogħol f’dan il-perjodu, affettwaw il-partijiet ta’ fuq tal-ġisem, bħas-swaba’ u l-idejn.