“Ħadd ma kien ġie għall-press conference” – Ludwig Galea

Kien madwar disa’ snin ilu, fit-3 ta’ Diċembru tal-2011, li tnieda l-proġett Ħelu Bambin, proġett li minn kanzunetta waħda ġie żviluppat proġett ta’ erba’ albums, diversi kunċerti u ma jdumx ma jiġi varat il-ħames album. Matul dawn id-disa’ snin permezz ta’ dan l-album inġabru eluf ta’ ewro għad-Dar tal-Providenza.

Iżda filwaqt li l-proġett jista’ jitqies bħala storja ta’ suċċess, il-bidu xejn ma kien faċli.

“Ħadd ma ġie għall-Press Conference kif jixhed dan ir-ritratt tant għall qalbi,” qal il-kantant Ludwig Galea, li spjega li wara ddeċidew li jippruvaw inieduha fuq it-televiżjoni iżda kienu l-WE Media biss li aċċettaw li juruha.

Fr George Ocar Buttigieg, Andrew Zammit, Chiara u Ludwig Galea f’ritratt meħud 9 sin ilu fil-jum tat-tnedija tal-kanzunetta Ħelu Bambin

Filgħaxija Ludwig għamel upload tal-kanzunetta biex tkun lesta ħalli wara li titnieda fuq it-televiżjoni ikun jista’ joħroġha b’mod pubbliku. Iżda bi żball kien għafas il-buttuna li poġġiet il-vjdjow għall-pubbliku. Ma ndunax li għamel hekk u mar jorqod.

F’temp ta’ granet Ħelu Bambin spiċċat viral u f’daqqa waħda kulħadd ried kopja u s-CD tal-kanzunetta spiċċat sold out. Il-kanzunetta spiċċat waħda mill-aqwa siltiet Maltin ta’ kull żmien għal żmien il-Milied.

Proprju f’dawn il-ġranet se jkun qed jitnieda il-ħames album ta’ Ħelu Bambin b’aktar kanzunetti tal-Milied interpretati minn diversi kantanti Maltin. Nhar is-Sibt li għadda filfatt tniedet l-ewwel kanzunetta, Milied ta’ Ferħ, interpretata minn Jade Vella.

“Ħadd ma jħassar dak illi hemm miktub jew pjanat għalik,” ikkummenta l-kantant Ludwig Galea b’referenza għad-destin tal-proġett Ħelu Bambin.