Ħadd ma jżur ‘l Għawdex minn dawk li ġew bi cruiseliner

Ħadd ma żar ’l Għawdex minn dawk it-turisti li waslu Malta bi cruise fl-ewwel tliet xhur ta’ tliet snin konsekuttivi, mill-2015 ’l hawn.
Ċifri ġodda maħruġa mill-Uffiċċju tal-Istatistika Nazzjonali juru l-għadd ta’ persuni li ġew Malta bi cruise fl-ewwel kwart tas-sena, anki meta mqabblin mal-ewwel kwart tas-sena tal-2015 u l-2016.
Kelliema mill-uffiċċju qalet lil Newsbook.com.mt li l-cruiseliners trakkaw kollha Malta, u bosta minnhom kienu kollha bastimenti li trakkaw għal ġurnata biss.
Minkejja dan, kien hemm 344 persuna fl-ewwel kwart tas-sena li ddeċidew li jiqbgħu Malta tul il-lejl, għalkemm ma ġiex speċifikat kemm kellhom żmien hawnhekk qabel jitlaq il-cruiseliner.
Ir-rapport ikompli juri kif it-total ta’ passiġġiera mis-sena l-oħra żdied b’116%, jiġifieri żaru Malta 85,215 persuna bi cruise.
B’kollox daħlu 34 cruiseliner fi tliet xhur, żieda ta’ 17 mis-sena l-oħra.
It-Taljani, il-Franċiżi u l-Ġermaniżi kienu l-aktar popolari, bit-turisti mill-Unjoni Ewropea (UE) jammontaw għal kważi 70% tal-passiġġieri. It-30% l-oħra minn barra l-UE kienu l-aktar mill-Istati Uniti.
Finalment, minn dawn it-turisti kollha, 53% tagħhom kienu nisa, u l-akbar biċċa tal-passiġġieri kienu anzjani ta’ bejn is-60 u d-79 sena.