Ħadd ma jrid id-demmiela wara biebu

Xejn ma qabel is-Sindku t’Għajnsielem mal-idea tal-Kunsill Lokali ta’ Ta’ Sannat li l-impjant ta’ riċiklaġġ tad-demel tal-annimali jsir f’Tal-Fessej, Għajnsielem.
Is-Sindku ta’ Ta’ Sannat, Philip Vella, f’kummenti lill-Malta Independent qal li jidhirlu li l-inħawi ta’ Tal-Fessej huma adegwati biex dal-proġett isir hemmhekk għax hemmhekk ukoll l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ.
Vella qal li b’hekk riżorsi u affarijiet oħra jkunu jistgħu jiġu kkonċentrati hemmhekk biss.
Għal dan il-Kunsill t’Għajnsielem qal li l-poplu Għajnselmiż diġà jaffaċċja problemi oħra relatati mal-impjant tad-drenaġġ, u li l-inħawi tmissew biżżejjed b’dan l-impjant, u l kunsill mhux beħsiebu jħalli l-art tkompli tiġi żviluppat għal impjant ieħor.
Il-problemi li jistgħu jaffaċċjaw ta’ Ta’ Sannat u l-Munxar minħabba dan l-impjant jgħoddu wkoll għal Għajnsielem, qal il-kunsill.
Il-ġimgħa l-oħra l-Kunsill Lokali tal-Munxar oġġezzjona formalment għall-possibiltà li jkun hemm impjant tar-riċiklaġġ tad-demel tal-annimali.
Sa issa l-impjant kien propost li jsir f’Ta’ Żagħwri l-Munxar, u diġà kien hemm battibekki bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwaru.