Ħadd ma jista’ jwaqqaf lill-Għawdxi Charlton Debono

Ħadd ma jista’ jwaqqaf lill-Għawdxi Charlton Debono li bħalissa qiegħed fl-aqwa forma tiegħu. Debono għamel 30 minuta u 48 sekonda fl-Intersport Three Cities 10km road race. Debono kiseb l-aqwa ħin li qatt kien irreġistrat mindu bdiet it-tellieqa tliet snin ilu. Għalkemm kien hemm ċans li  tagħmel ix-xita, it-temp ta’ nhar il-Ħadd pprovda kundizzjonijiet tajba għall-ġiri.

Sa mill-bidu nett tat-tellieqa Debono qabad pass tajjeb iżda deher biċ-ċar li Dillon Cassar u Mark Herrera ma kinux se jaqtgħu qalbhom malajr. Wara 5km Debono u Cassar kienu għadhom ras ‘imb ras għalkemm lejn l-aħħar Debono mar xi ftit fuq quddiem u daħal l-ewwel.

Josann Attard Pulis bdiet b’pass komdu u mill-ewwel ħolqot distakk komdu fuq l-atleta li kienet fit-tieni post Jolene Debattista. Attard Pulis ma rnexxiliex tirreġistra l-aqwa ħin tat-tellieqa iżda xorta marret tajjeb meta spiċċat it-tellieqa f’39 minuta u 20 sekonda. Debattista spiċċat it-tellieqa fi 43 minuta u 23 sekona – avvanz ta’ 30 sekonda mill-aħħar darba li pparteċipat fl-2018.

Ir-riżultati tat-tellieqa tista’ ssibhom hawn.

It-tellieqa li jmiss tal-Intersport 10km Road Running Series se tkun qed issir nhar il-Ħadd 16 ta’ Frar ġewwa Dingli. Jekk tixtieq tieħu sehem tista’ tirreġistra minn hawn.