Ħadd ma jista’ jidħak jew jagħtas fil-pubbliku

Il-ktieb li Trevor Żahra għadu kemm ippubblika, bl-isem “Ħadd ma Jista’ Jidħak jew Jagħtas fil-Pubbliku”, huwa r-raba’ ktieb fis-sensiela ta’ rakkonti dwar il-pajjiż fittizju ta’ Kartaksan. Dan huwa ktieb li jinżel tajjeb mat-tfal daqskemm mal-kbar, għax huma mimli b’umoriżmu fin u battuti simpatiċi dwar epidemija stramba li ħakmet lil Kartaksan.

Il-ħafna stampi li fih dan il-ktieb tistħajjilhom qegħdin jiżżattu fin-nofs biex jippruvaw jirrakkontaw il-ġrajja kif jafu huma.

Għalkemm dan ir-raba’ ktieb jorbot ma’ dawk ta’ qablu, l-istorja xorta waħda tiftiehem bla tfixkil anki minn dawk li forsi ma jkunux qraw il-kotba l-oħra, għax l-awtur il-ħin kollu jfakkarna f’dak li jkun seħħ.

Fl-aħħar tal-ktieb hemm ukoll paġni b’Ħaġa Moħġaġa dwar il-mard u l-mediċini. Ngħidu aħna: “Meta mediċina tkun moħbija? Jew “Biex taħsbu li kien ibati Ġlormu Cassar?” Se nħallikom taħsbu … jew morru fittxu t-tweġiba fl-aħħar paġni tal-ktieb.

Dan il-ktieb tistgħu takkwistawh dirett min merlinpublishers.com u jaslilkom bil-posta.