Ħadd ma jista’ jgħix mingħajr Alla u mingħajr imħabba

Il-Papa Franġisku jqaddes f'Jum it-Tfal fir-Rumanija

Fit-tieni jum taż-żjara tiegħu fir-Rumanija, il-Papa Franġisku lbieraħ ħa sehem f’Laqgħa Marjana flimkien maż-żgħażagħ u ħafna familji u ħeġġiġhom biex ma jibżgħux joħolmu tul il-vjaġġ ta’ ħajjithom. Hu appella lil dawk preżenti biex jitolbu għat-tfal u talab lill-Madonna biex iżżommhom taħt il-mant tagħha.  Fir-Rumanija l-bieraħ kien ċelebrat Jum it-Tfal.

Il-Papa qal lill-folla ta’ eluf miġbura quddiemu li “L-Ispirtu s-Santu sejjħilna biex niġu hawn u qed jgħinu niskopru s-sabiħ li nkunu flimkien, li nkunu kapaċi niltaqgħu u nimxu flimkien. Din hi l-esperjenza ta’ Pentecoste ġdida.

Il-ħolm u l-għerf tal-anzjani

Li nimxu flimkien mhux xi ħaġa faċli. Dan hu rigal li rridu nitolbu għalih. Din hi arti li rridu noħolquha aħna, rigal sabiħ li rridu ngħadduh lil oħrajn, qal il-Papa.

Matul din iċ-ċerimonja Marjana kien hemm diversi persuni li taw it-testimonjanza tagħhom. Fosthom koppja anzjana – Elisabetta u Ioan. Il-Papa dar fuqhom u qalilhom “l-imħabba għamlet l-għeruq fit-tnejn li intom u tat frott bnin. Intom it-tnejn ma bżajtux toħolmu”.

Hu qal liż-żgħażagħ preżenti li “meta tikbru, tinsewx lill-ġenituri u lin-nanniet u l-fidi sempliċi imma b’saħħitha li tathom is-saħħa.”

Imħabba u Fidi

Il-Papa Franġisku enfasizza li “il-fidi hi rigal ħaj, hi ċertezza profonda u sabiħa: li aħna ‘l ulied maħbuba t’Alla. Il-fidi ma tkunx trasmessa biss bil-kliem, imma anke bil-ġesti, bil-ħars, bil-karezzi bħal dawk li kienu jagħmlulna ommijietna u n-nanniet tagħna”.

“Meta nħossuna maħbubin aħna nikbru”, qal il-Papa. “Għax l-imħabba toħroġna minn qoxortna u tistedinna nagħmlu l-għeruq fil-ħajja tal-oħrajn. Meta l-bniedem jitlef imħabbtu kollha, għalih dak ikun l-aħħar tad-dinja. Għax f’din id-dinja, mingħajr imħabba u mingħajr Alla, ħadd ma jista’ jgħix!”

Sfidi, vokazzjoni u ħelsien

Il-Papa nnota li f’ħajjitna dejjem se jkollna l-isfidi. “Dan la nistgħu niċħduh u anqas nippretendu li mhux il-każ. Alla hu l-ewwel wieħed li jisfidana. Alla hu dak li jagħtina kanzunetta aktar b’saħħitha mill-kant kollu f’daqqa li jipparaliżżana fil-vjaġġ tagħna. U dan dejjem jagħmlu bl-istess mod: billi jkanta kanzunetta isbaħ li tisfidana aktar,” sostna l-Papa.

Huwa qal lil dawk preżenti għal din il-laqgħa li “Alla jagħtina vokazzjoni li hi sfida biex niskopru t-talenti u l-ħiliet li għandna u npoġġuhom għas-servizz tal-oħrajn. Hu jitlobna nużaw il-libertà tagħna biex nagħmlu għażla, biex ngħidu iva għall-pjan tal-imħabba.”

“Illum, minn dan il-post, se jinfetħu toroq ġodda għall-futur, lejn l-Ewropa u ħafna partijiet oħra tad-dinja. Intom tistgħu tkun l-pellegrini tas-Seklu 21, u tkunu kapaċi timmaġinaw mill-ġdid dak li jgħaqqadna.”

Fl-aħħarnett il-Papa Franġisku qal li “Il-Madonna hi omma li tinkoraġixxi l-ħolm ta’ uliedha, li tkebbes it-tamiet tagħhom, li ġġib il-ferħ fi djarhom.  Intom komunità ħajja, li tiffjorixxi, li hi mimlija bit-tama u li nistgħu noffruha lil Ommna Marija”.