Ħadd ma jinqabad jagħmel l-ingassa mal-bini tal-Qorti

Facebook: Gianluca Cappitta / Arnold Cassola

Il-Korp tal-Pulizija qal li ħadd ma nqabad jagħmel l-ingassa mal-bini tal-Qorti fil-Belt Valletta, minkejja li nġabru l-filmati minn kameras tas-sigurtà (CCTV) tal-akwati.

Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, il-Pulizija qalet li rriżulta li l-ħabel kien tal-pavaljuni li kien hemm armati għall-festa tal-Karmnu u li xi ħadd mhux magħruf għamel għoqda forma ta’ ngassa fit-tarf tal-istess ħabel li kien imdendel. Madanakollu, il-Pulizija insistiet li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Nhar l-Erbgħa li għadda, il-fotografu ta’ Newsbook.com.mt innutat li ħaddiema tal-Gvern dehru jaqtgħu l-ingassa mdendla, li jidher li saret il-ġurnata ta’ qabel.

L-ingassa kienet imdendla ma’ sinjal tal-parkeġġ, eżattament taħt kamera tas-sigurtà. Osservaturi qalu ma’ dan is-sit li l-ingassa hija simili għall-‘avvertimenti’ (twissijiet) tal-Mafja u ‘pentiti’ (dawk li jammettu l-involviment tagħhom f’att kriminali u jixhdu kontra l-kompliċi fil-każ).

Ir-ritratt tal-ingassa, li ttieħed minn Gianluca Cappitta, beda jinxtered fuq il-midja soċjali mill-politiku indipendenti u eks kandidat għall-Parlament Ewropew, il-Professur Arnold Cassola.

Il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà, f’konferenza tal-aħbarijiet fl-istess jum kien qal li ra r-ritratti tal-ingassa ftit minuti qabel il-konferenza. Spjega li kien se jagħmel il-verifiki meħtieġa u li sa dak il-ħin il-Pulizija ma kellha l-ebda dettalji.

Il-ħabel iddendel fl-istess jum li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, li ħafna issa qed isejħulu ‘pentito’, ġarrab ġrieħi serji, skont il-Pulizija weġġa’ lilu nnifsu serjament.

Theuma kien se jixhed waqt is-seduta tal-Erbgħa fil-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-konfront ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista. Theuma kien mistenni jixhed dwar rikording, li skont l-avukati ta’ Fenech, is-sensar fl-assassinju kien għadu ma xehedx dwaru. Il-maħfra presidenzjali li ngħata Theuma biex jikxef l-informazzjoni kollha li kellu dwar il-każ, ġiet preżentata fil-Qorti l-Erbgħa stess.