Ħadd ma jeħel il-€100

Pulizija

Il-Pulizija ma taw l-ebda multa minħabba l-avviż legali li jwaqqaf persuni milli jinġemgħu fi gruppi ta’ aktar minn 4 persuni f’postijiet pubbliċi. Dan ikkonfermah il-Gvern fil-bullettin li ta’ kuljum jiġi ppubblikat dwar l-imxija tal-coronavirus f’Malta.

Tul dawn il-ġimgħat, il-Pulizija kienu impenjati f’għadd ta’ rondi flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa biex jiżguraw li kulħadd jobdi r-regoli u l-liġijiet li daħlu fis-seħħ permezz ta’ diversi avviżi legali li nħarġu mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci.

Hekk kif ġie ddikjarat Emerġenza tas-Saħħa Pubblika f’Malta, il-liġi tat għadd ta’ poteri ġodda lis-Supredentent għas-Saħħa Pubblika biex tiġi mħarsa s-saħħa ta’ dawk kollha li jgħixu f’Malta.

Intant, l-istess bullettin jgħid ukoll li ħadd ma nqabad jikser il-kwarantina obbligatorja fit-348 spezzjoni li saru fl-aħħar 24 siegħa.

L-appell tal-Gvern kien u għadu li kulħadd ikun responsabbli u jikkopera mad-direttivi li qed jingħataw mill-awtoritajiet.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn